B’investiment ta’ €40,000 mill-Kunsill Lokali tal-Fgura ġie rriġenerat il-ġnien ta’ Pjazza Patri Redent Gauci fil-Fgura.
L-interventi li saru f’dan il-ġnien jinkludu xogħol ta’ tisbiħ, tpoġġija ta’ bankijiet u tapit tal-lakstu fost xogħol ieħor ta’ rinovazzjoni.
Is-Sindku tal-Fgura Pierre Dalli spjega kif wara żmien fejn dan l-ispazju pubbliku kien abbandunat u li għalhekk r-residenti tal-Fgura ma kinux iffitxu li jagħmlu użu minnu, llum il-Kunsill Lokali qed jara kif anke bl-għajnuna tal-pulizija jkun hemm is-sigurtà neċessarja biex in-nies tal-lokalità jagħmlu użu minnu.
“Issa aħna qed inġibu s-sigurtà lejn il-bandli fis-sens li għamilna s-CCTV cameras ġodda, għandna l-Community Policing li jiffrekwentaw ukoll biex nerġgħu inġibu l-fiduċja tan-nies residenti tal-Fgura fil-bandli. Fl-istess ħin ħa ntuhom l-opportunità jaraw l-iżvilupp minn dak iż-żmien għall-lum il-ġurnata.”
Il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Aaron Farrugia faħħar din l-inizjattiva mill-Kunsill Lokali u stqarr kif spazji bħal dawn ikomplu jħaddru ż-żoni urbani f’pajjiżna.
Ambjent Malta wkoll tat is-sehem taghha f’dan il-proġett billi ħawwlet 200 siġra u arbuxell.
Huwa ħeġġeġ ukoll lil Kunsilli Lokali sabiex ikomplu jikkunsidraw aktar proġetti ħodor fil-komunità.
Fil-fatt Aaron Farrugia qal li wara li s-sena li għaddiet tħawwlu rekord ta’ siġar minn Ambjent Malta, din is-sena mistennija jkomplu dan ir-ritmu hekk kif diġà tħawwlu 10,000 siġar fl-2021.
Il-Ministru għall-Gvern Lokali, José Herrera innota kif permezz ta’ proġetti bħal dawn il-Gvernijiet Lokali qed jieħdu rwol kruċjali sabiex tkun adottata sistema ta’ urbanizazzjoni ħadra fil-lokalitajiet tagħna.