Infrastruttura Malta ħabbret li saru aktar minn ħames mitt triq madwar Malta u Għawdex.
Dawn kollha jiffurmaw parti minn investiment nazzjonali ta’ seba’ mitt miljun ewro li huwa mifrux fuq medda ta’ seba’ snin.
Waqt żjara fi Triq il-Forġa fin-Naxxar, fejn diġà tlestiet l-ewwel fażi tal-bini mill-ġdid tagħha, Infrastruttura Malta ħabbret li bniet mill-ġdid mija ħamsa u ħamsin triq matul it-tieni sena tal-pjan nazzjonali tagħha.
Dawn ix-xogħlijiet jammontaw għal aktar minn mija u għaxar kilometri ta’ toroq mibnija mill-ġdid, li fihom l-aġenzija tejbet mitejn u ħmistax-il kilometru ta’ bankini u poġġiet madwar tliet mija u sebgħin kilometru ta’ sistemi ġodda taħt l-art, li jinkludu pajipijiet tal-ilma, katusi tad-drenaġġ, kanali għall-ilma tax-xita, cables tal-elettriku u trinek għall-cables tal-Internet u servizzi oħra tat-telekomunikazzjoni.
Biex lestew il-bini mill-ġdid ta’ dawn it-toroq, il-ħaddiema użaw madwar tliet mija tnejn u ħamsin elf tunnellata t’asfalt.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg saħaq illi dawn il-proġetti juru l-viżjoni ħolistika li għandu dan il-Gvern li huwa favur l-ambjent aħjar u favur l-aqwa sigurtà possibli fit-toroq.
Huwa qal, “Il-Gvern qiegħed iżomm il-kelma tiegħu. Wegħdna li se nagħmlu b’seba mitt miljun investiment fit-toroq tagħna f’seba’ snin mitt miljun kull sena, għaliex il-Kunsilli qatt ma kellhom il-flus biex jagħmlu dawn it-toroq u hekk qed nagħmlu f’kull lokalità.”
Is-Sindku ta’ din il-lokalità, Anne Marie Muscat Fenech Adami rringrazzjat lil Infrastruttura Malta għax-xogħol li qed tagħmel biex ikomplu jgħinu lill-komunità Naxxarija.
Hija stqarret: “Nirringrazzja lil Ministru Ian Borg u lil l-Infrastruttura Malta. Ovvjament li saret din it-triq li kellha tinbeda mill-ġdid u kien fiha ħafna xogħol.”