Ir-restawr fuq it-Torri ta’ Wignacourt fil-Furjana, li kellu sehem ewlieni fis-sistema tal-akwadott li kien iwassal l-ilma mir-Rabat sal-Belt, tlestew.
It-torri, li hemm ħdejn il-Ġonna tal-Argotti faċċata tal-Knisja ta’ Sarrija, hu tifkira tal-arkitettura tas-seklu sbatax u wirt tal-Gran Mastru Wignacourt u nbena fis-seklu 17.
L-Uffiċċju tal-Proġetti għar-Rijabilitazzjoni fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura beda xogħol ta’ restawr fuq dan il-proġett fis-sajf tas-sena li għaddiet.
https://youtu.be/V-MmfjikZLk
Fi żjara li għamel fuq il-post, il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi qal li dan huwa eżempju ċar ta’ preservazzjoni ta’ wirtna.
Il-ħaddiema bdew billi nadfu t-taraġ garigor ta’ ġewwa u beda jsir intervent biex jissaħħaħ it-taraġ b’vireg tal-azzar. Ġew ukoll restawrati l-ħitan tat-torri minn ġewwa kif ukoll minn barra, fejn tneħħew depożiti li kienu ilhom snin twal jagħtu dehra maħmuġa lill-ġebla. Intervent ieħor importanti kien il-bidla tal-iljun tal-franka li jinsab mal-funtana. Għalkemm dan kien diġa ġie mibdul waqt intervent li sar aktar minn għoxrin sena ilu, dan ukoll kien ddeterjora ħafna tant li bilkemm kien għadu jingħaraf.
Sforz ta’ dan il-proġett, li ġie jiswa madwar €18,000, it-torri issa jista’ jiġi apprezzat mill-pubbliku li jżur din iż-żona tal-Furjana.
Tajjeb wieħed ifakkar li dan l-istess uffiċċju iwettaq ukoll xogħlijiet u proġetti ta’ rijabilitazzjoni fuq diversi binjiet storiċi, inkluż fil-Kottonera u l-Kalkara, l-Imdina u l-Belt Valletta u l-Furjana.