Fl-aħħar jiem l-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp tar-Rabat ħejjiet serata fejn inawgurat xogħol ta’restawr fuq il-monument l-antik tal-Ġimgħa l-Kbira. Ix-xogħol fuq dan il-Monument tas-Seklu 18 ħa ’l fuq minn sentejn u bbenefika kemm minn fondi Ewropej kif ukoll mill-Fond tal-Gvern għall-Kawżi Soċjali.
Fis-Santwarju ta’ Ġieżu, iltqajna mal-arkivist tal-Arċikonfraternità, Jeremy Debono li spjegalna f’aktar dettall l-intervent li sar biex jiġi mħares ħalli jibqa’ jitgawda dan il-patrimonju Rabti.
“Dan il-monument hu disinn ta’ Francesco Zahra u nħadem lura fl-1770. Matul iż-żmien ġarrab xi ħsarat, speċjalment dan l-aħħar u għalhhekk kien hemm bżonn li jiġi rrestawrat. Sibna l-għajnuna kemm tal-fondi Ewropej kif ukoll tal-fond tal-kawżi ġusti tal-Gvern ta’ Malta biex stajna nagħmlu r-restawr li sar b’mod professjonali mir-restawratur, is-Sur James Saliba.”
Debono fakkar ukoll li, bħala parti mill-attività ‘Natalis Notabilis’, li issa hi sinonima mar-Rabat fiż-żmien tal-festi, il-Knisja se tkun qed tiftaħ f’ħinijiet estiżi u l-monument se jkun espost biex jitgawda minn kulħadd.
“Matul il-ġimgħa li ġejja, waqt in-‘Natalis Notabilis’, il-Knisja se tkun miftuħa f’ħinijiet aktar estiżi u l-pubbliku għalhekk għandu aktar opportunità li jiġi jgawdi kemm ir-restawr tal-monument kif ukoll jara l-presepju l-ġdid.”