Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet ta’ restawr li qegħdin isiru fuq il-faċċata tal-Università l-Qadima, li tagħti fuq Triq San Kristofru, mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Ix-xogħlijiet esterni se jitlestew fil-ġimgħat li gejjin, b’investiment totali li jammonta mal-€4 miljuni għal dan il-progett tant bżonjuż li jkopri xogħlijiet interni wkoll.
“Dan kollu huwa parti minn katina ta’ investimenti li qiegħdin isiru fis-settur tal-wirt tagħna sabiex dan inħarsuh u nippreservawh għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. L-Università l-Qadima ġġorr magħha storja rikka u huwa fid-dmir tagħna li nirrestawraw dan il-ġojjel fiċ-ċentru tal-belt kapitali tagħna,” qal il-Ministru Owen Bonnici waqt iż–żjara tiegħu. Hu għamel referenza għax-xogħol li sar mal-faċċati l-oħra ta’ din il-binja, kif ukoll fil-bitħa interna tagħha, u kkonkluda billi rringrazzja lid-Direttorat tar-Restawr u l-ħaddiema tiegħu tax-xogħol siewi u kontinwu li qegħdin jagħmlu biex ikomplu jsaħħu l-wirt storiku ta’ pajjiżna.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr s’issa saru fuq il-bejt tal-knisja tal-Ġiżwiti, il-faċċati tal-bitħa tal-Università l-Qadima, il-faċċati tal-knisja tal-Ġizwiti fuq Triq Merkanti, Triq l-Arċisqof u Triq San Pawl, bir-raba’ fażi tkun ir-restawr tal-faċċati tal-Università l-Qadima li jagħtu fuq Triq San Pawl, Triq Merkanti u Triq San Kristofru li se tiġi konkluża fil-ġimgħat li ġejjin. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu t-tindif tal-faċċata, tneħħija ta’ wires u ta’ siment minn mal-faċċata, tikħil u fili u tiswija, kif ukoll bdil ta’ ġebel. Saru wkoll interventi fuq l-aperturi kollha tal-faċċata.
Kien il-Gran Mastru Martin Garzes li poġġa l-ewwel ġebla tal-Università li dak iż-żmien kienet tissejaħ Collegium Melitense fl-4 ta’ Settembru 1595, u kellha sservi bħala l-lok li fih kienu jippreparaw il-kandidati għas-saċerdozju. Splużjoni fl-1634 ikkawżat ħsara kbira fil-kulleġġ u l-knisja li reġgħet inbniet mill-inġinjier residenti tal-Ordni, Francesco Buonamici, li hu maħsub li hu wkoll il-perit tal-faċċata tal-kulleġġ. Fl-1768 il-kulleġġ sar Università Pubblika għall-Istudji Ġenerali u Kullegg. Din il-binja rat numru ta’ tibdil matul iż-żminijiet, fejn fosthom kien hemm kmamar mibnija fil-bitħa fis-seklu dsatax, filwaqt li partijiet minnha ġew imġarrfa wkoll fit-Tieni Gwerra Dinjija, fejn fil-fatt ġiet imġarrfa l-faċċata ta’ Triq San Kristofru.
Eventwalment l-Università mxiet għal Tal-Qroqq u wara li l-binja ngħatat ħafna użi differenti, illum ħafna minnha tagħmel parti mill-Valletta Campus.