B’investiment ta’ tlieta mija u ħamsin elf ewro, inbidel il-wiċċ tal-faċilità sportiva fl-Iskola Maria Reġina fil-Mosta, magħrufa bħala taż-Żokrija.
Il-proġett kien jinvolvi wkoll il-bini tas-saqaf tal-parkeġġ li hemm taħt il-grawnd tal-iskola, li kien jeħtieġ li jinbena mill-ġdid.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, Neville Young spjega li dan il-proġett se jissarraf f’aktar opportunitajiet biex it-tfal ikunu mħeġġa jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ eżerċizzju fiżiku.
Qal, “Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada għadha kemm tinvesti b’kapital ta’ tliet mija u ħamsin elf ewro, biex l-outdoor play area li qabel ma kinitx tintuża, issa ġiet rinovata billi sar turf ġdid, artifiċjali, fuq parkeġġ li prattikament kien dejjem inixxi l-ilma.”
Dan ix-xogħol sar bħala parti minn proġett ferm ikbar ta’ miljun ewro mifrux f’għoxrin skola, li qed jaraw il-kisi tal-faċilitajiet sportivi b’turf artifiċjali.
Il-Ministru responsabbli mis-setturi tal-edukazzjoni u l-isport f’pajjiżna, Clifton Grima, qal li dawn il-proġetti qed isiru fl-isfond tal-politika nazzjonali biex tkun indirizzata l-obeżità fost it-tfal.
Fl-istess ħin, titrawwem kultura sportiva fiċ-ċkejknin li twassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar anki fl-iskejjel.
Spjega, “Dawn l-interventi li qegħdin isiru madwar dawn l-għoxrin skola li jiswew bejniethom aktar minn miljun ewro, qed naraw li nilħqu l-miri tagħna f’dik li hija l-politika nazzjonali dwar l-obeżità u allura hija xi ħaġa importanti ħafna li nkomplu nagħmlu dawn l-investimenti li permezz tagħhom dejjem naraw li l-livell edukattiv ġewwa pajjiżna jibqa’ tiela ’l fuq.”