Tlesta x-xogħol ta’ skavar fuq is-sit tal-ECOHIVE, fil-Magħtab, fejn l-iskart se jibda jiġġenera l-enerġija.
ONE News żar ix-xogħlijiet li tlestew bħala parti minn dan il-proġett u tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv, Richard Bilocca.
Huwa spjega li x-xogħol ta’ skavar huwa lest u l-ħames konsorzji għandhom sal-aħħar ta’ Lulju biex jissottomettu l-aqwa offerti finali tagħhom tagħhom.
Qal, “Il-Wasteserv, waqt li kienet għaddejja b’dan il-proċess ta’ aġġudikazzjoni tal-procurement ta’ dan l-impjant, li huwa investiment waħdu kapitali ta’ ’l fuq minn €200 miljun, bdejna nippreparaw kemm jista’ jkun biex malli jiġi awarded il-kuntratt, issa lejn Ottubru, il-kuntrattur ikun jista’ jibda x-xogħlijiet minnufih, anki f’Jannar li ġej.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ saħaq li x-xogħol ta’ skavar jinkludi wkoll il-bunker fejn se jibda jinħażen l-iskart li eventwalment se jiġi ġġenerat minnu l-elettriku. Hawnhekk se jitpoġġa skart li ma jkunx jista’ jiġi rriċiklat – b’hekk, problema se tinbidel f’riżorsa.
Richard Bilocca spjega li l-fatt li l-aġenzija lestiet ix-xogħol ta’ skavar qabel ma jingħata l-kuntratt se jwassal biex ma jintilfx żmien biex ix-xogħol jibda u jitlesta.
Qal, “Jiġifieri aħna, hawnhekk, lill-kuntrattur se nagħtuh site nadif, site imħaffer diġà, u dan fil-ġurnata li jibda, ir-relazzjoni tagħna mal-kuntrattur se tkun iggvernata bil-kuntratt u m’hemm xejn li mhux prevedibbli. Jiġifieri dan ma jistax isib xi ħaġa arkeoloġika, għax dak l-istadju diġà għamilnih. Ma jistax isib blat mhux b’saħħtu biżżejjed u jgħidilna li jrid juża aktar ħadid, iktar konkos, għax il-blat diġà kxifnih. Dan huwa eżerċizzju biex aħna namministraw il-flus bl-aħjar mod possibbli, filwaqt li niżġuraw li dan il-proġett inwassluh kemm jista’ jkun malajr, ħalli l-pajjiż jibda jgawdi.”
Ix-xogħol ta’ bini ta’ din il-faċilità mistenni jieħu 42 xahar biex isir, b’investiment totali ta’ nofs biljun ewro.
Dan il-proġett se jkun qed ibiegħed mill-pajjiż id-dipendenza storika fuq ir-rimi fil-miżliet, biex b’hekk Malta tmur lejn ekonomija ċirkolari.
Dan l-impjant se jwassal biex jiġu pproċessati madwar mija u tnejn u disgħin elf (192,000) tunnellata ta’ skart mhux riċiklabbli li bħalissa qed jispiċċa jmur fil-miżbla biex minflok jiġi mibdul f’enerġija ekoloġika.
L-impjant ta’ ECOHIVE, spjega l-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv, se jikkontriwixxi madwar 4.5 fil-mija tal-bżonnijiet tal-enerġija tal-pajjiż.