B’investiment ta’ miljun u sitt mitt elf ewro, Infrastruttura Malta lestiet il-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ wieħed mill-mollijiet tal-vapuri t’Għawdex fiċ-Ċirkewwa.
Infrastruttura Malta bdiet dan il-proġett is-sajf li għadda bit-twaqqigħ ta’ ħafna mill-istruttura tal-moll ’il fuq mil-livell tal-baħar u b’tiswijiet estensivi tal-pedamenti tiegħu taħt l-ilma.
Il-Perit ta’ dan il-proġett spjegat li minħabba l-ħsarat kbar fl-istruttura tiegħu, dan il-moll qadim ta’ mitt metru ma setax jintuża b’mod sigur biex jorbtu miegħu l-vapuri t’Għawdex. Hija saħqet li wara t-titjib kbir li sarlu, li kien jinkludi disinn ġdid tal-gverta, dan il-moll issa huwa aktar sigur għall-ħaddiema li jorbtu l-vapuri, u biex il-passiġġieri u l-baħrin jitilgħu abbord u jinżlu lura l-art.
Il-Perit Borg spjegat: “Bħala xogħlijiet kien hemm ħsarat taħt l-ilma u ’l fuq minn wiċċ l-ilma. Għaldaqstant rajna li saru żewġ interventi.”
L-aġenzija lestiet ukoll dawk li huma magħrufa bħala fender blocks, li jinkludu wkoll is-safety walls sabiex jiġu evitati inċidenti fejn il-baħħara jistgħu jaqgħu mill-għoli waqt li jkunu qed jorbtu.
Waqt żjara fiċ-Ċirkewwa, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega li dan il-moll ġdid issa ġie mgħoddi lil Transport Malta u lill-kumpanija Gozo Channel, li taħdem is-servizz tal-vapur bejn iċ-Ċirkewwa u l-Imġarr, biex jerġa’ jibda jintuża fix-xhur li ġejjin.
Il-Ministru Camilleri stqarr: “Illum qegħdin fuq quay one, in-naħa ta’ Ċirkewwa fejn sar investiment minn Infrastructure Malta ta’ €1.6 miljun, fejn dan se ikun miżjud permezz ta’ nofs miljun ewro minn Transport Malta biex propju noffru moll aħjar li jista’ jilqa’ fih il-vapuri tal-Gozo channel.”
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapital Ian Borg spjega li dan l-investiment se jikkumplimenta xogħol ieħor li għaddej fuq il-pont taċ-Ċirkewwa, li kien mibni minn Gvern Nazzjonalista, li wara sitt snin li nbena, il-konkos beda juri sinjal sew ta’ deterjorazzjoni bi xquq kbar li seta kien ta’ periklu għal dawk kollha li jaqsmu dan il-pont.
Il-Ministru Borg qal, “Hawn hekk għandna turija ta’ xogħol li qed isir u sar b’ serjetà kbira, fuq in-naħa l-oħra hemm terminal ta’ Ċirkewwa li kien inbena b’konkrit difettuż u xi ħaġa li rridu nsolvu aħna l-iżbalji ta’ ħadd ieħor.”