B’investiment ta’ miljun u mitejn u ħamsin elf ewro (€1,250,000) minn fondi nazzjonali, tlesta r-restawr sħiħ tal-Oratorju tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Knisja tal-Ġiżwiti tal-Belt Valletta, filwaqt li x-xogħol fuq is-sagristija mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, waqt zjara f’din il-knisja.
Dan l-investiment, li sar taħt it-tmexxija tad-Direttorat tar-Restawr, jinkludi wkoll l-ispiża neċessarja għall-eventwali restawr tat-tieni Oratorju, dak tal-Onorati.
Il-Ministru Bonnici enfasizza l-importanza tar-restawr ta’ dawn il-postijiet ta’ wirt importanti, li jattiraw l-interess ta’ dawk li jridu jesperjenzaw il-wirt reliġjuż u artistiku li joffri pajjiżna.
Huwa qal li b’kollox se jkunu ġew investiti erba’ miljuni u ħames mitt elf ewro (€4.5 miljun) f’din il-ġawhra patrimonjali fil-Belt Valletta u dan l-investiment jinkludi x-xogħlijiet li bdew fl-2015.
Huwa qal, “Il-Knisja ta’ Ġiżwiti għal ħafna snin kienet mitluqa, u kienet qed tibki biex tingħata l-protezzjoni. Il-Gvern qiegħed jintervjeni biex jinvesti f’din il-knisja, jipproteġiha u joħroġ is-sabiħ sħiħ li fiha”.
Dan ir-restawr inkluda s-sostituzzjoni tas-sistemi mekkaniċi u elettriċi biex tiġi rrestawrata s-sagristija, fost l-oħrajn.
Ir-Rettur tal-Knisja, Dun Nicholas Doublet, sostna li permezz ta’ dan ir-restawr in-nies jistgħu jesperjenzaw dan il-post fl-istat oriġinali tiegħu. Barra minn hekk, se jkun mekka għat-talent artistiku Malti.
Stqarr, “Mhux biss ikkonservajna bl-aqwa mod possibbli l-bini, il-pittura, l-investiment kbir li sar, imma li issa kkreajna spazju ġdid fejn, bħalma fil-passat l-artisti tagħna – hawnhekk huwa prodott Malti – esprimew ruħhom, qed nagħtu diġà, permezz tal-programm kulturali, li l-fondazzjoni qiegħda tissapportja lill-artisti tagħna biex ikunu jistgħu jesprimu t-talenti tagħhom fi spazji bħal dawn.”
Il-Perit Mark Azzopardi mid-Direttorat tar-Restawr spjega x-xogħol li sar, fosthom is-sistema ta’ allarm f’każ ta’ nar u l-installazzjoni ta’ dawl ġdid fis-sagristija.
Huwa qal li studji fuq il-ħitan u s-saqaf eżistenti identifikaw il-kuluri oriġinali tagħhom, u saru wkoll tiswijiet fil-ġebel u fit-twieqi.