Tlesta x-xogħol ta’ restawr fuq it-Torri tad-Dwejra f’Għawdex. Permezz ta’ dan il-proġett, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed tkompli ttejjeb il-portafoll turistiku madwar il-pajjiż kollu.
Ix-xogħlijiet inkludew rinnovazzjoni fuq ammont konsiderevoli ta’ ġebel fuq il-parti esterna tat-torri li kien tnaqqar maż-żmien minħabba l-elementi naturali li jaħkmu l-inħawi tad-Dwejra. Il-proġett involva wkoll ħidma biex jiġi rranġat it-taraġ ta’ barra, it-turret tal-ħitan u anke s-soqfa. Fuq il-parti ta’ ġewwa saru wkoll interventi marbutin ma’ xogħlijiet elettriċi u dawl ġdid.
Dan il-proġett ibbenefika minn kofinanzjament tal-European Regional Development Fund Operational Programme 2014-2020. Ix-xogħlijiet ammontaw għal madwar €235,000, li minnhom madwar €155,000 ġejjin minn fondi Ewropej.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt żjara li saret mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, flimkien mal-għaqda mhux governattiva Din l-Art Ħelwa.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li permezz tal-ħidma tagħha l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tkompli tkun minn ta’ quddiem biex tippreserva l-patrimonju kulturali.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li r-restawr u l-konservazzjoni ta’ siti bħal dan it-torri jkomplu jsaħħu l-portafoll tat-turiżmu kulturali f’Għawdex, li huwa rikk bil-wirt storiku u kulturali li joffri lil dawk kollha li jżuruh.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li permezz tal-fondi Ewropej qegħdin ikunu restawrati diversi fortifikazzjonijiet kostali storiċi, biex jerġa’ jingħata ġieħ lil dawn il-binjiet ta’ importanza storika u kulturali.