Bejn il-lejl tal-Erbgħa u l-Ħamis, tlestew ix-xogħlijiet infrastrutturali biex inbidel il-wiċċ tat-triq tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid. Dan tħabbar f’kitba fuq il-midja soċjali mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Chris Bonett.
Dawn ix-xogħlijiet, li l-parti l-kbira tagħhom saru biss matul il-lejl, tlestew fiż-żmien skedat, jiġifieri dak ta’ tliet ġimgħat.
Ix-xogħlijiet, li saru minn Infrastructure Malta, indirizzaw il-ħsarat konsiderevoli li żviluppaw minn ħdejn iċ-Ċentru tas-Saħħa safejn hemm il-Klabb tal-Futbol tal-Hibernians.
Fil-programm ONE Breakfast fuq dan l-istazzjon, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Chris Bonett, ukoll qal li dan ix-xogħol fil-wiċċ tat-triq kien l-ewwel fażi u semma li l-pass li jmiss hu l-proġett ta’ tisbiħ tal-pjazza, li se jsir ukoll minn Infrastructure Malta fil-jiem li ġejjin.
“Il-pjazza għandha bżonn ċerti interventi ta’ embelishment. Għandna bżonn li jkollna siġar maturi f’dik il-pjazza, għandna bżonn nirranġaw il-fixtures ta’ dik il-pjazza. Hemm ċerti żoni li għandna bżonn nagħmlu rethink ta’ dak li kien il-proġett oriġinali.”
Il-Ministru Bonett qal li, b’hekk, in-nies li jiffrekwentaw din il-pjazza jkollhom mhux biss triq aħjar, imma ukoll ambjent li jikkumplimenta ż-żona kif jixraq.