Tlesta x-xogħol fuq Triq il-Ferrovija l-Qadima li hija waħda mill-itwal toroq residenzjali f’pajjiżna.
Din it-triq ewlenija bejn Birkirkara u Ħal Balzan tgħaqqad ħdax-il triq oħra.
Ix-xogħol li sar ra lil din it-triq tinqala’ mill-qiegħ, fejn saru żewġ kilometri ta’ servizzi u pajpijiet, tranġaw il-bankini u tħawlu numru ta’ siġar ġodda.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Ian Borg innota li Triq il-Ferrovija l-Qadima hija waħda minn fost il-190 triq li l-aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta wegħdet li se tirranġa fl-ewwel sena mit-twaqqif tagħha.
Is-Sindki tal-Kunsilli Lokali rispettivi rringrazzjaw lill-Gvern, u t-tnejn irrikonoxxew li kieku mhux għall-fondi minn Infrastruttura Malta, din it-triq ma kinitx issir.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta Frederick Azzopardi qal li l-aġenzija qed tħares ‘il quddiem għal sena oħra ta’ proġetti li jħallu marka pożittiva f’ħajjet ir-residenti.
Innota wkoll il-kritika u tenna l-impenn tiegħu li tul is-sena li ġejja jkun hemm komunikazzjoni oħra mal-Kunsilli Lokali u mal-pubbliku inġenerali.