Tlesta x-xogħol infrastrutturali fuq rotta ta’ kilometru u nofs bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa minn Triq Ħal Qormi sa Triq San Tumas.
Dan il-proġett ta’ Infrastruttura Malta b’investiment ta’ aktar minn 9 miljun ewro, ra żewġ toroq li qabel kellhom karreġġjata waħda b’żewġ korsiji, jinbnew mill-ġdid.
It-toroq twessgħu biex issa din l-arterja tinsab b’erba’ korsiji fuq żewġ karreġġjati –waħda li tagħti lejn it-tramuntana tal-pajjiż, u l-oħra lejn in-nofsinhar.
Apparti li żdiedet korsija għall-karozzi f’kull direzzjoni, inbniet korsija għar-roti u l-mixi ta’ madwar kilometru fiż-żewġ direzzjonijiet, li ġiet mifruda mit-triq permezz ta’ żoni b’siġar u pjanti.
Fost xogħol ieħor li sar, ġiet installata sistema ġdida ta’ dwal LED mal-ġnub tal-karreġġjati, tpoġġew barrikati għal aktar sigurtà, bankini ġodda, daħliet aktar siguri għall-karozzi tal-linja, u nbena mill-ġdid il-ħitan tas-sejjieħ li kien twaqqa’ biex twessgħet it-triq.
Bħala parti minn dan il-proġett, għaddew minn taħt l-art aktar minn kilometru f’servizzi ġodda tal-ilma, kilometru ieħor f’servizzi tat-telekomunikazzjoni, u żewġ kilometri cables tal-elettriku.
Inbniet ukoll sistema ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita, li issa se jmur f’ġibjun ġdid li jesa aktar minn 800,000 litru ilma, u se jintuża għat-tisqija tas-siġar li hemm fl-inħawi.
Il-Ministru Ian Borg qal li anki jekk l-attenzjoni tal-pajjiż bħalissa hija fuq il-coronavirus, ix-xogħlijiet infrastrutturali baqgħu għaddejjin, u dan il-proġett jikkumplimenta investimenti oħra li diġà saru.
Il-Ministru Borg spjega: “Dan ikompli jikkumplimenta xogħlijiet li saru kemm fuq in-naħa ta’ fuq jiġifieri f’Ħal Luqa u interventi oħra li għandna maħsubin bħall-Junction li ħabbarna aktar kmieni din is-sena u anki ’l isfel mill-Junction, interventi li kienu saru kemm Ħal Qormi u kemm in-naħat ta’ Ħaż-Żebbuġ. Din hija ħolqa importanti, kuritur importanti, f’pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport u allura nkomplu nikkumbattu l-konġestjoni tat-traffiku.”
Permezz ta’ dan il-proġett, Infrastruttura Malta kompliet tibni fuq investimenti oħrajn li diġà saru u li kienu mmirati biex iżidu l-kapaċità, s-sostenibilità u s-sigurtà ta’ din ir-rotta arterjali bejn in-nofsinhar u ċ-ċentru tal-pajjiż. Dawn jinkludu t-twessigħ ta’ Vjal l-Avjazzjoni, il-bini mill-ġdid tar-roundabout ta’ Ħal Luqa li hemm fit-tarf tal-istess triq, il-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa f’Santa Luċija u titjib li sar fl-erba’ roundabouts ewlenin bejn Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ. Dawn diġà wasslu biex kien hemm tnaqqis sinifikanti fil-ħin tal-ivvjaġġar miċ-ċentru lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż.
Dan il-proġett ser iżid l-effiċċjenza għal ħafna setturi kummerċjali u industrijali li jiddependu minn din iż-żona u ser inaqqas ukoll id-dipendenza li għandha s-sistema tat-toroq ta’ pajjiżna fuq ir-rotta l-oħra bejn in-nofsinhar u ċ-ċentru tal-pajjiż mit-toroq ta’ Santa Venera u l-Marsa. Din il-konnessjoni wkoll qed tiġi mtejba permezz ta’ investimenti oħrajn, fosthom is-seba’ flyovers tal-Marsa Junction Project u l-mini ġodda taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija li se jitlestew din is-sena.