Tul l-aħħar ġimgħa kważi 6,000 persuna għamlu użu mit-trasport pubbliku bil-baħar permezz tal-lanċa mill-Belt għal Bormla jew lura.
Dan wara li tlesta x-xogħol fuq il-moll ta’ Bormla b’investiment ta’ madwar €2 miljun.
Crew ta’ ONE News żar dan it-terminal, li huwa huwa ddisinjat biex jieħu medja ta’ 30 vjaġġ kuljum, u huwa l-ħolqa ewlenija bejn iż-żoni tal-Belt Valletta, It-Tliet Ibliet u Tas-Sliema.
Hemmhekk tkellimna mal-Perit Janice Borg il-Kap tat-Taqsima Marittima fi ħdan Infrastracture Malta fejn sostniet l-għan x-xogħol fuq dan it-terminal huwa li jinċentiva aktar l-użu tat-trasport bil-baħar biex inaqqas il-konġestjoni tat-traffiku fuq l-art.
Dan filwaqt li jipprovdi konnettività aħjar għall-passiġġieri u t-turisti.
Qal, “Hawnhekk għandna sistema ta’ rampi li jaħdmu bil hydraulic. L-iskop huwa li, skont kemm huwa għoli l-baħar ,jiġu regolati l-livelli ta’ qlib tar-rampa biex jekk ikollok persuna b’diżabilità u forsi jagħmlu użu minn xi wheelchair tkun iktar faċli għalihom biex jitilgħu fuq id-dgħajsa.”
Ix-xogħol fuq dan is-sit ġdid kien jinkludi aġġornament tal-infrastruttura tat-trasport u l-faċilitajiet fis-siti eżistenti tal-inżul tad-dgħajjes f’Bormla. Fil-fatt, iż-żona mtejba tal-inżul tad-dgħajjes f’Bormla ttejjeb il-konvenjenza u l-affidabbiltà tan-navigazzjoni tal-ilma.
Tkellimna wkoll mal-Kaptan Fritz Farrugia, li huwa Harbour Master fi ħdan id-Direttorat tal-Portijiet ta’ Transport Malta, li sostna l-importanza ta’ dan is-servizz.
Qal, “Il-konnettività fil-portijiet ta’ Malta, speċjalment il-Port il-Kbir u l-Port ta’ Marsamxett, huma possibiltajiet oħrajn biex in-nies ikunu jistgħu jużaw dan it-trasport multimodali biex hekk intejbu s-servizz u kemm jista’ jkun nifirxu dak il-piż li hemm fuq it-toroq ta’ Malta.”
Intant, ONE News ta’ ħarsa wkoll lejn iċ-ċifri b’rabta ma’ dan il-mezz ta’ trasport u l-popolarità tiegħu tul is-snin minn mindu tnieda fl-2012.
L-iktar vjaġġ popolari kien dak bejn il-Belt u Tas-Sliema. Fil-fatt, filwaqt li fl-2012 użawh biss kważi 63,500 passiġġier, fl-2018 in-numru tela’ għal kważi 980,000 passiġġier.
Minkejja li dawn iċ-ċifri battew mhux ħażin minħabba l-effetti tal-pandemija, is-sena l-oħra ġie nnutat rkupru qawwi fl-użu ta’ din ir-rotta hekk kif użawha kważi 690,000 passiġġier.
Intant, ir-rotta li twassal mill-Belt għal Bormla minn ftit aktar minn 3,000 passiġġier li użawha fl-2012, fl-2019 din użawha aktar minn 570,000 passiġġier. Bl-istess mod bħar-rotta ta’ bejn il-Belt u Tas-Sliema, hawn ukoll ġie rreġistrat tnaqqis fl-użu fis-snin tal-pandemija. Madankollu, is-sena li għaddiet din użawha iktar minn 420,000 persuna.
B’kollox, minn mindu tnieda dan is-servizz ta’ trasport, għamlu użu minnu 9,600,000 passiġġier.