Waslu fit-tmiemhom ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fil-foss tad-daħla tal-Belt li nbidel fi ġnien miftuħ li se jissemma għall-Arkitett Francesco Laparelli.
Il-foss li għal diversi snin kien fi stat ta’ telqa kbira, inbidel ta’ taħt fuq f’żona ta’ rikreazzjoni mill-isbaħ għall-familji biex iqattgħu ħin ta’ mistrieħ.
Il-foss, li ra l-istorja tal-bini tal-Belt biċċa biċċa, huwa maqsum f’diversi żoni u ħoloq bilanċ tajjeb bejn spazji ħodor u spazji miftuħa fejn il-pubbliku jista’ japprezza l-fortifikazzjonijiet tas-swar tal-Belt kemm mill-foss u kemm minn Pjazza Tritoni.
Apparti dan saru strutturi li jissimbolizzaw is-swar magħmula mill-ġebla tal-franka minn barriera f’Għawdex.
Il-pubbliku se jkollu aċċess għall-ġnien minn diversi postijiet, fosthom permezz ta’ lift li jgħaqqad il-foss ma’ Pjazza Ħelsien.
Iċ-Ċermen tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li l-ġnien se joffri esperjenza unika lil min jużah iżda jħalli impatt estetiku pożittiv fuq l-eluf ta’ Maltin u turisti li jkunu dieħlin il-Belt:
“Hawnekk bħala proġett l-intenzjoni kienet illi noħolqu spazju ieħor miftuħ għall-pubbliku, apparti li nbiddlu, il-mod, l-esperjenza li meta wieħed ikun dieħel il-belt, fejn qabel fl-antik wieħed kien jara post relitivament mitluq, illum int u dieħel lejn il-belt, ilħaqna livell ferm isbaħ, b’dan il-ġnien”
Il-proġett ġie kkumplimentat bit-tħawwil ta’ madwar 50 siġra, fosthom tal-Ballut, tal-Luq, tal-Ħarrub, taż-Żebbuġ u tar-Rummien fost oħrajn.
Tul il-proġett ġie rrestawrat ukoll il-pont li jinsab fil-foss fejn kienet tieqaf il-ferrovija l-antika. Aktar minn mitt sena ilu, il-pont kien jagħmel parti mis-sistema tat-trasport bil-ferrovija u kien jgħaqqad il-Furjana mal-Belt.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Gino Cauchi qal li tul il-proġett, il-ħaddiema ltaqgħu ma’ bosta diffikultajiet, fosthom ir-ristrizzjonijiet ta’ inġenji li għamlu x-xogħlijiet diffiċli.
“Meta inti tidħol tippjana u trid tagħmel proġett trid tibda mill-pedamenti tiegħu bir-reservoirs, bl-inġenji li jridu jidħlu, problemi tal-pont tal-ferrovija u l-għoli tiegħu u illi poġġa fuqna ċertu restrizzjonijiet għal ċertu inġenji li setgħu jidħlu hawnekk kienu kollha sfidi illi kellna negħlbu”.
Mistoqsi dwar proġetti oħra ta’ riġenerazzjoni mill-korporazzjoni, is-Sur Cauchi ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jibdgħu diversi proġetti fosthom fin-naħat tal-Kottonera.
“Hemm ħafna xogħolijiet li l-GHRC se tkun qed tagħmel fil-Belt matul is-sena d-dieħla, proġetti oħra li għandna bħala Korporazzjoni. Se nkunu qed inħarsu lejn il-Ġnien tal-Mall fil-Furjana u xi proġetti wkoll din id-darba in-naħa tal-Kottonera”.