B’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-iskateboard, Infrastructure Malta għamlet rinovazzjoni tal-Imsida Skatepark.
Dan bl-installazjoni ta’ rampi u binarji ġodda tal-ħadid għal dan l-isport, siġar ġodda, dawl ġdid u tpenġijiet tal-graffitti ġodda.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-iskateboard, Zach Perici Calascione spjega kif issa dan ix-xogħol ser jgħin lil dawk li jipprattikaw dan l-isport f’pajjiżna biex jilħaq livelli internazzjonali.
Qal, “Għalina li nużaw dan l-iskatepark kważi on a daily basis kien bżonnjuż ħafna u long overdue għax kien hemm ftit limitations fl-affarijiet, fl-obstacles li kien hawn u issa peress li żidna żewġ sections ġodda l-mira hija li nilħqu l-livell internazzjonali u nemmen li bl-obstacles li għandna ġodda għandna biex nagħmluhom dawn l-affarijiet.”
Waqt żjara li għamel f’dan l-iskatepark, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg stqarr kif minn meta nfetaħ dan is-sit qatt ma kienet saritlu manutenzjoni.
Fost ix-xogħol importanti li sar kien hemm l-iżviluppar mill-ġdid tal-inħawi bil-ħamrija fl-iskatepark sabiex l-ilma tax-xita ma jinfidx u jagħmel ħsara lill-mini ta’ taħt kif kien qed jiġri qabel.
Fost l-oħrajn f’dawn il-kontenituri ġodda tħawlu 14-il siġra indiġena tal-ballut, siġar tal-palm u ħafna pjanti oħra.
Il-Ministru Borg spjega kif ix-xogħlijiet raw it-tkabbir tal-akwati tal-iskatepark li jistgħu jintużaw mill-isportivi li jsuqu l-iskateboard jew il-BMX.
Spjega, “Kien hemm ħtieġa ta’ installazzjonijiet ġodda bħal tined, dwal, street art imma imbagħad kabbarna dan il-park. Kif kabbarna dan il-park? Illi kien hemm spazju li m’huwiex utilizzat illi fihom żidna numru ta’ features illi għalihom ifisser ħafna u għaldaqstant din tkompli turi kemm il-ħidma infrastrutturali mhux biss it-toroq, mhux biss ix-xogħlijiet marittimi imma huma anke proġetti fil-komunitajiet differenti, f’dan il-każ anke l-komunità sportiva fost iż-żgħażagħ illi jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.”