L-iscouts ta’ Ħaż-Żebbuġ qed igawdu minn kwartieri ġodda, wara xogħol fuq il-bini li kien jikkonsisti f’manutenzjoni estensiva fosthom inbidel is-saqaf tal-konkos għal wieħed precast u xogħol ta’ membrane.
Il-proġett li sar b’ħidma mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, kompla anki b’xogħol mhux strutturali bħal tindif u tibjid tal-ħitan minn ġewwa li kienu meħtieġa.
L-iscout leader Mario Micallef qal kemm kienet importanti din l-għajnuna fl-isfond li l-ħidma tagħhom hija kompletament volontarja.
Qal, “Bħala għaqda volontarja dawn l-assistenzi huma importanti ħafna għalina. Aħna ngħixu u noperaw mill-fondi li ntellgħu minn fundraising, mingħand il-ġenituri ovvjament hija limitata. Allura investiment u assistenza bħal ma kellna hawnhekk fejn sar xogħol infrasstrutturali għax kellna post li kien wasal għal tidwira tajba huwa dejjem milqugħ.”
Fi żjara fil-kwartieri l-ġodda, il-Ministru Ian Borg innota kif titjib f’infrastruttura li taqdi lill-komunitajiet huwa wkoll importanti u huwa dmir li jsiru interventi bħal dawn.
Spjega, “F’dan il-każ huwa l-iscouts ġewwa Ħaż Żebbuġ li kellhom il-ħtieġa ta’ xogħlijiet strutturali fil-binja tagħhom, fejn jiltaqgħu huma, fejn jiltaqgħu t-tfal u bla dubju ta’ xejn allura l-obbligu tagħna huwa li nassistu u nintervjenu. U allura dak huwa propju illi għamilna hawnhekk.”