Infrastructure Malta lestiet il-proġett ta’ Triq Reġjonali biex ittejjeb is-sigurtà u l-effiċjenza f’din ir-rotta ewlenija bejn in-naħa ta’ fuq u n-naħa t’isfel tal-pajjiż.
Dan l-investiment kien jinkludi l-bini mill-ġdid ta’ Triq Reġjonali mill-mini tal-Qroqq sal-mini ta’ Santa Venera, iż-żieda ta’ żewġ korsiji f’parti minn din it-triq b’erba’ korsiji u il-bini mill-ġdid b’disinn aħjar tas-seba’ junctions li jmissu magħha. L-aġenzija bniet mill-ġdid ukoll il-pont tas-snin sebgħin fuq Triq il-Wied tal-Imsida u l-introduzzjoni ta’ sistema aktar sigura ta’ crash barriers bejn iż-żewġ karreġġjati, biex jonqsu r-riskji ta’ ħabtiet minn naħa għal oħra tat-triq u konsegwenzi oħrajn ta’ aċċidenti.
Il-korsiji ġodda, li bejniethom iġibu 1.1 kilometri, itejbu s-sigurtà f’numru ta’ junctions li hemm matul din ir-rotta, kif ukoll iżidu l-kapaċità u l-effiċjenza tagħha, għax bihom se jonqos il-ħin tal-istennija għad-dħul u l-ħruġ minn din it-triq. L-istuttura ġdida tal-pont li permezz tiegħu l-karreġġjati ta’ Triq Reġjonali jgħaddu minn fuq Triq il-Wied tal-Imsida twessgħet biex jitjiebu l-alinjament u l-elevazzjoni ta’ din il-parti tat-triq għal aktar sigurtà.
Figuri ta’ dawn l-aħħar 10 snin juru li f’din il-parti ta’ Triq Reġjonali kienu jseħħu ħafna aċċidenti, b’medja ta’ ħabta fil-ġimgħa. Erbgħin fil-mija tagħhom wasslu għal ġrieħi serji jew konsegwenzi gravi oħra. Ħafna minn dawn l-aċċidenti seħħew fil-junction li tgħaqqad Triq il-Wied tal-Imsida, Triq il-Ferrovija l-Antika (Birkirkara) u Triq il-Kappillan Mifsud (Santa Venera) mal-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Triq Reġjonali. Infrastructure Malta trasformat din il-junction f’korsija li tingħaqad direttament mal-korsija tat-tramuntana ta’ Triq Reġjonali, biex jonqsu r-riskji ta’ aċċidenti u l-ħin tal-ivvjaġġar. Meta tkun f’din il-junction issa m’hemmx għalfejn taqbeż minn korsija għal oħra biex tidħol fi Triq Reġjonali.
Aktar il-fuq fil-karreġġjata tat-tramuntana, il-korsija ġdida qed tnaqqas ukoll id-dewmien għall-ħruġ minn Triq Reġjonali għall-Bypass ta’ Birkirkara (Triq Dun Karm Psaila), l-Università ta’ Malta u l-Isptar Mater Dei.
Fid-direzzjoni opposta, it-tieni korsija ġdida fi Triq Reġjonali ttejjeb l-andament tal-vetturi li jkunu ġejjin mir-rampa li tgħaqqad ir-roundabout f’Tal-Qroqq (fejn hemm l-iskatepark) mal-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Triq Reġjonali billi issa jibqgħu sejrin dritt lejn Santa Venera. Din il-korsija tipprovdi wkoll aċċess aktar sigur għar-rampa biex minn Triq Reġjonali toħroġ lejn Triq il-Ferrovija l-Antika u Triq il-Kappillan Mifsud, iż-żewġ toroq li jiltaqgħu ħdejn ir-roundabout li hemm bejn Birkirkara u Santa Venera.
B’dan il-proġett, Infrastructure Malta kompliet ittejjeb parti oħra mir-rotta ewlenija bejn in-naħa ta’ fuq u n-naħa t’isfel ta’ Malta li tagħmel parti min-netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew (TEN-T). Triq Reġjonali tinsab fil-qalba ta’ din ir-rotta, bi Triq il-Kosta (San Pawl il-Baħar, Baħar iċ-Ċagħaq), Triq Sant Andrija (Swieqi, Pembroke), Triq Mikiel Anton Vassalli (San Ġiljan), il-mini f’Ta’ Giorni, il-flyover tal-Kappara u l-mini f’Tal-Qroqq (Msida) lejn it-tramuntana, u l-mini ta’ Santa Venera, il-Marsa-Hamrun Bypass, Triq Diċembru 13, Triq Aldo Moro, il-junction tal-Marsa, Vjal Santa Luċija, ir-roundabout ta’ Santa Luċija u Triq Tal-Barrani (Tarxien, Bir id-Deheb) lejn in-nofsinhar. Bl-investiment li għamlet fi Triq Reġjonali, l-aġenzija qed tkompli tnaqqas il-ħin fl-ivvjaġġar, iżżid s-sigurtà fit-triq u ttejjeb il-kwalità tal-arja f’din ir-rotta u l-inħawi madwarha.
Infrastructure Malta bħalissa qed tinvesti f’partijiet oħrajn minn din ir-rotta permezz ta’ proġetti oħrajn, li jinkludu s-seba’ flyovers tal-Marsa Junction Project u ż-żewġ mini li qed jinbnew taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija. Daqt se tvara wkoll proġetti oħrajn biex tkompli ttejjeb din ir-rotta, fosthom il-bini mill-ġdid ta’ Triq Sant Andrija bħala parti mill-proġett Pembroke-St Julian’s Connections, il-bini ta’ żewġ flyovers ġodda tal-iMsida Creek Project u r-rinovazzjoni tat-tliet settijiet ta’ mini li jinsabu f’din ir-rotta.
Proġetti oħrajn ta’ titjib li qegħdin isiru bħalissa f’toroq arterjali jinkludu l-bini mill-ġdid ta’ Triq Buqana, l-Imtarfa, Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas, bejn Ħal Luqa u Ħal Qormi u Triq Ħal Qormi, Ħal Qormi. Infrastructure Malta daqt tibda wkoll is-Central Link Project, li jinludi l-bini mill-ġdid tat-toroq arterjali bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali, biex ittaffi d-diffikultajiet ikkaġunati mit-traffiku u l-konġestjoni li ilhom jinħassu għal ħafna żmien fil-lokalitajiet ta’ Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard.
Għal aktar tagħrif jew għajnuna, ikkuntattja lil Infrastructure Malta fuq 2334 1000, info.im@infrastructuremalta.com jew fuq Facebook, Twitter jew Instagram.