B’investiment ta’ tliet miljun ewro, tlesta x-xogħol fuq il-bini mill-ġdid ta’ triq rurali f’Wied il-Qlejgħa jew kif magħruf Chadwick Lakes. Dan tħabbar waqt żjara fuq il-post mill-Ministru għal-Ambjent, Miriam Dalli, u l-Ministru għall-Infrastruttura, Chris Bonett.
Dan ix-xogħol saħħaħ il-ħajt tal-banjijiet, li minnhom jgħaddi l-ilma tax-xita, li bħalissa hu fil-ġmiel kollu tiegħu wara x-xita tal-aħħar jiem. Hu stmat li l-wied jilqa’ mal-ħamsa u tletin miljun litru ilma.
Ix-xogħol f’din iż-żona mill-isbaħ sar wara li t-triq, li tintuża mill-bdiewa u bosta familji li jżuru l-post popolari, kienet ċediet fil-maltemp.
B’hekk issa dan il-post jista’ jitgawda mill-familji b’mod aktar sigur, hekk kif ukoll saret xatba ta’ sigurtà mad-dawra tal-ilma.
ONE News tkellem mal-perit responsabbli minn dan il-proġett, Janice Borg.
“Eventwalment saru studji, rajna x’tip ta’ blat hemm, il-blat pjuttost dgħajjef u għaldaqstant ġiet iddisinjata struttura, b’numru ta’ piles. F’din iż-żona ta’ warajja, hawnhekk hawn 180 pile b’kollox, biż-żona tan-naħa l-oħra wkoll qbiżna l-200 pile. Saru l-piles, inbena l-ħajt mill-ġdid tal-banju li kien ċeda u mbagħad ovvjament saret l-istruttura tal-art taħt it-triq u ġiet ifformata t-triq.”
Janice Borg, Perit
Il-Ministru Dalli nnotat kif dan il-proġett laħaq bilanċ bejn li jsir ix-xogħol waqt li jirrispetta l-ambjent u l-ekosistema li hemm f’dan il-post.
“Veru sodisfatta bil-mod kif sar ix-xogħol hawnhekk għax kellna kollaborazzjoni sħiħa bejn Infrastructure Malta, l-Energy & Water Agency u l-ERA, għax riedna, filwaqt li nkunu qed nagħmlu x-xogħol infrastrutturali għax hawnhekk kienet waqgħet it-triq li sservi ta’ mogħdija għall-bdiewa u lil kull min jaċċessa Chadwick Lakes. Allura, riedna nħarsu l-aspett infrastrutturali, imma fl-istess ħin is-sensittività tal-post.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Il-Ministru Bonett qal li l-proġetti infrastrutturali li qed isiru qed ikunu aktar favur l-ambjent.
“Għandna ħafna proġetti infrastrutturali differenti, però kollha għandhom fattur komuni, il-wegħda li għamilna fl-2022, fil-manifest elettorali li l-proġetti infrastrutturali se jkunu aktar qed iħarsu lejn l-ambjent. Dan hu każ ċar għax ovvjament iċ-Chadwick Lakes, ftit hawn postijiet li ftit timmaġina f’moħħok, meta taħseb fuq ekoloġija, in-natura Maltija.”
Il-Ministru Chris Bonett