B’tagħmir ġdid u żona aktar sigura, it-tisbiħ tal-Park tal-Klieb f’Ta’ Qali huwa lest biex jilqa’ fi ħdanu klieb ta’ kull daqs u razza.
Fi żjara f’dan l-ispazju li huwa pet-friendly, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul setgħu jaraw ix-xogħol ta’ tisbiħ imwettaq mill-ħaddiema, fi spazju ta’ madwar elf u sitt mitt metru kwadru.
Bi ċnut għolja magħmula minn injam riċiklat, tined li jipprovdu d-dell fuq il-bankijiet u spazju kkulurit biex il-klieb ikollhom fejn jiġru u jilagħbu, iż-żona saret waħda aktar sigura għall-klieb u s-sidien tagħhom.
Il-kap eżekuttiv Steve Ellul tenna li Project Green se tkompli bil-ħidma li toħloq spazji ġodda filwaqt li tkompli tirriġenera aktar postijiet. Ħabbar li Project Green se tkun qed tkompli taħdem ukoll fuq spazji oħra dedikati għall-klieb, fosthom fin-Nofsinhar ta’ Malta.
Qal, “Project Green qiegħda attenta ħafna għall-kwalità tal-ispazji miftuħa li nagħmlu. Illum propju ġewwa Ta Qali, id-dog park li huwa tant frekwenti tajnih l-ħajja mill-ġdid. Żidna ħafna iktar spazji u postijiet biex kemm il-klieb ikunu jistgħu jilagħbu però anka s-sidien ikunu komdi f’dan l-ispazju miftuħ. ”
Minn naħa tagħha, l-Ministru Miriam Dalli qalet li r-riġenerazzjoni ta’ spazji miftuħa u l-ħolqien ta’ dawk ġodda huma intiżi biex jitgawdew minn kulħadd. Kompliet billi ħeġġet lill-pubbliku jagħmel użu responsabbli mill-post u jżomm l-indafa.
Stqarret, “Dan huwa dog park ta’ ‘l fuq minn elf u sitt mitt metru kwadru li grazzi għall-ħidma li saret u anka b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet differenti bħall-Animal Welfare Department qegħdin nagħtu spazju li huwa ta’ standard għoli li jħares is-sigurtà u l-benesseri tal-klieb biex il-familji li għandhom klieb li jiġu f’dan id-dog park ikunu moħħhom mistrieħ li qegħdin fi spazju li huwa sigur għall-klieb tagħhom. ”