Intemm il-proċess ta’ tilqim bid-doża addizzjonali tal-vaċċin kontra l-COVID-19 ta’ anzjani li jgħixu fid-djar tal-anzjani kollha, kif ukoll dawk li huma residenti f’San Vinċenz de Paul.
Fi stqarrija l-Ministru għall-Anzjani Michael Farrugia spjega li l-proċess tat-tilqim f’San Vinċenz de Paul tlesta l-ġimgħa li għaddiet, u l-Ħamis tlesta l-proċess fid-djar tal-anzjani kollha madwar Malta u Għawdex.
L-anzjani li għal xi raġuni ma setgħux jieħdu d-doża addizzjonali, se jieħduha fil-jiem jew il-ġimgħat li ġejjin. Il-Ministeru kkonferma wkoll li bħalissa qed jitlesta proċess biex fil-ġimgħat li ġejjin, ir-residenti jingħataw ukoll it-tilqima kontra l-influwenza.