L-Universita’ ta’ Malta lestiet l-ewwel minn serje t’investigazzjonijiet siżmiċi bejn Malta u Għawdex ilbieraħ filgħaxija.
L-investigazzjoni hija parti minn studji biex jiġi ddeterminat jekk il-mina bejn il-gżejjer tistax issir. L-investigazzjonijiet għandhom l-għan li jiġi stabbilit il-mudell ġeoloġiku taż-żona li fuqu ser ikun ibbażat id-disinn tal-mina.
Tul din il-fażi ta’ studju, il-vapur Midas Express segwa proċess, li permezz ta’ strumenti abbord ġabar l-informazzjoni meħtieġa. Saffi ġeoloġiċi differenti jirriflettu lura frekwenzi differenti u allura x-xjentisti jkunu kapaċi jagħrfu l-formazzjonijiet ġeoloġiċi taħt qiegħ il-baħar, jindunaw ukoll jekk hemmx xi qsim fil-blat.
It-tieni fażi tal-investigazzjonijiet se tibda fil-ġranet li ġejjin. L-Universita’ ta’ Malta se tagħmel bathymetric mapping taż-żona u l-karatteristiċi ġeoloġiċi ta’ taħt il-baħar. Se jintuża multi-beam echo-sounder u sub-bottom profiling. Ir-riċerkaturi se jużaw frekwenzi iktar għoljin li se jgħinuhom jiffurmaw mappa tridimensjonali dettaljata ta’ qiegħ il-baħar.
Fit-tielet fażi mbagħad, ir-riċerkaturi se jużaw boreholes, li se jinżlu sa 200 metru taħt qiegħ il-baħar, biex jiddeterminaw il-konsistenza ġeoloġika taħt l-ilma.