Tlesta restawr ta’ ’l fuq minn tletin kilometru ta’ ħitan tas-sejjieħ madwar il-gżira Għawdxija.
Ir-restawr u l-bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjieħ saru mid-Direttorat EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u huma ffinanzjati minn fondi Ewropej, li jlaħħqu aktar minn għaxar miljun ewro.
B’dan il-proġett beda madwar sentejn ilu u nkluda wkoll total ta’ madwar erbgħin triq b’diversi xogħlijiet estensivi ta’ bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjieħ.
Il-Ministru Clint Camilleri spjega li kilometri ta’ ħitan tas-sejjieħ li maż-żmien kienu ġġarfu u li kienu qegħdin fi stat ħażin ġew irrestawrati u mibnija mill-ġdid.
Qal li l-Gvern kommess li jibqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu biex ikompli jwettaq aktar proġetti f’Għawdex.
Qal, “Proġett li l-iskop ewlieni tiegħu huwa li tiġi protetta l-ħamrija u l-għelieqi tagħna, pero apparti minn hekk żġur li dan huwa proġett li qed isebbaħ b’mod dirett it-toroq rurali madwar il-gżira l-Għawdxija u għaldaqstant ukoll qiegħed ukoll jagħti valur u prodott aħjar lil Għawdex bħala gżira lil dawk kollha li jżuruna u ovvjament ikunu qegħdin iduru din il-gżira.”
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li ġew investiti għaxar miljun ewro mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali biex ġew irranġati dawn il-kilometri ta’ ħitan tas-sejjieħ.
Qal, “Proġett illi mhux biss jara li nipproteġu lill-bdiewa tagħna u l-għelieqi tagħhom, imma wkoll ħa nkomplu nkattru l-kultura u t-tradizzjoni tagħna ta’ dawn il-ħitan fantastiċi tas-sejjieħ biex inkomplu ngawduhom bħala poplu Malti u Għawdxi kollu.”