Fil-belt tal-Isla tlestiet l-ewwel parti tar-riġenerazzjoni li qed issir fid-daħla ta’ waħda mit-tliet Ibliet tal-Kottonera.
F’din il-parti tar-riġenerazzjoni sar xogħol fuq is-swar ta’ San Mikiel, li jinkludi l-belvedere, l-arloġġ u l-gardjola.
Hawnhekk sar ukoll sistema ta’ dawl ġdid.
Għall-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett kien hemm il-Ministru għall-Proġetti Kapitali Ian Borg, li qal kif permezz ta’ dan il-proġett il-Gvern qed juri li verament huwa viċin in-nies.
Qal, “L-investiment fl-infrastruttura mhuwiex biss it-toroq, li kulħadd jista’ japprezza. Imma wieħed jista’ japprezza wkoll illum il-glorja li qed terġa’ tgawdi l-Isla, il-fortifikazzjonijiet tagħha, aktar minn 4,500 metru kwadru ta’ restawr.”
Gino Cauchi u Anthony Agius Decelis f’isem il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir qalu kif permezz ta’ dan il-proġett qed terġa’ tingħata l-ħajja lil belt Sengleana.
Intqal kif il-Korporazzjoni li bdiet bir-riġenerazzjoni tal-Belt, issa qed tagħti l-ħajja lil madwar ukoll.
Is-Sindku tal-Isla qal kif permezz ta’ dan ix-xogħol ser inkomplu nżidu l-valur turistiku ta’ din il-belt storika, li għamlet snin twal mitluqa.
Spjega, “Illum naħseb hija ġurnata sabiħa għas-Sengleani kollha, illi kif qed tgħid tajjeb inti, is-Sengleani issa meta qed jidħlu fid-dar tagħhom qed jaraw post li kien ilu snin mitluq u bis-saħħa ta’ dan il-Gvern ġie parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u tal-Kottonera.”
Il-pass li jmiss f’dan ir-restawr huwa li ssir ir-riġenerazzjoni ta’ Pjazza Mitrovich, li hija l-pjazza ta’ wara l-mini li jdaħħluk f’din il-belt.
B’dan ix-xogħol mistenni jibda f’Ottubru li ġej.