Il-Fondazzjoni Kottonera għadha kif lestiet ir-restawr ta’ 14-il kwadru tal-Via Sagra fil-Knisja tal-Kapuċċini fil-Kalkara. Dan tħabbar waqt żjara mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi.
Ġie spjegat li permezz ta’ professjonisti b’ħiliet u esperjenza vasta f’dan il-qasam, dawn il-kwadri, li maż-żmien beda jintilef id-dettal tagħhom, ġew restawrati b’attenzjoni kbira u rritornati għall-glorja oriġinali tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dan ir-restawr kien possibbli permezz tal-appoġġ u l-għajnuna finanzjarja tal-Fondazzjoni Kottonera. Hija qalet li l-gvern jinsab kommess li permezz ta’ din il-Fondazzjoni jibqa’ jkun ta’ spalla mal-kunsilli lokali ta’ dawk l-inħawi sabiex isiru proġetti kulturali ta’ dan it-tip.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi qal li fis-snin li ilha mwaqqfa l-Fondazzjoni għamlet diversi proġetti ta’ dan it-tip madwar il-Kottonera, sabiex jiġi ssalvagwardjat il-wirt li dawn l-ibliet għandhom. Mizzi kompla li parti mill-istrateġija tal-Fondazzjoni hija li żżomm ir-rikkezzi u l-kultura ħajja u biex dawn jitgawdew aktar min-nies.
Il-Patri Gwardjan tal-Knisja Miguel Zammit irringrazzja lill-Fondazzjoni Kottonera talli bis-sostenn tagħha qegħdin iżommu dan il-wirt kulturali u reliġjuż ħaj.
