Tlesta restawr fil-Knisja tal-Madonna tal-Ħniena fil-Qrendi, liema Knisja nbniet f’nofs is-seklu sbatax.
Ir-restwar sar mid-Direttorat tar-Restawr.
Il-Perit inkarigat min dan ix-xogħol Ivana Farrugia spjegat li instabu diversi elementi ta’ dekorazzjoni polikroma moħbija taħt tibjid u żebgħa riċenti. Qalet ukoll li nkixfu traċċi u reġgħu ġew applikat l-kuluri tal-istatwi ta’ barra u tal-istemma tal-Isqof Gaspare Gori Mancini.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokal Owen Bonnici qal li l-Qrendin qegħdin jaraw l-ħolma tagħhom saret realta’. Sar kollaborazzjoni bejn storiċi, periti, arkaeoloġisti, persuni speċjalizzati fit-teknoloġija tad-dokumentazzjoni u restawraturi, fost oħrajn.
L-impenn tal-ħaddiema ġie mfaħħar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli. Hi qalet li permezz ta’ restawr, wieħed ikun qiegħed jippreserva l-Wirt Kulturali Malti.
Il-proġett ra wkoll kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kunsill Lokali tal-Qrendi immexxi mis-Sindku David Schembri li kien preżenti u ħa sehem fiċ-ċerimonja.