Tlesta r-restawr mid-Direttorat tar-Restawr fuq il-kappella ddedikata lil Sant’Anna f’Ħ’Attard.
Din il-kappella, li nbniet lejn l-aħħar tas-seklu sbatax kienet intgħażlet biex tiġi restawrata grazzi għall-iskema tar-Restawr għall-Kunsilli Lokali.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal kif proġetti bħal dawn ikomplu juru biċ-ċar l-impenn tal-gvern lejn il-wirt kulturali fil-lokalitajiet madwar Malta.
Il-Ministru stqarr, “Dawn it-tip ta’ skemi jagħmlu differenza fil-komunità mhux biss għaliex jipproteġu l-wirt storiku ta’ pajjiżna u jerġgħu joħorġu s-sbuħija tiegħu imma anka għaliex il-komunità nnifisa tapprezzahom ħafna u jsebbħu l-komunità li jkunu qed jgħixu fiha.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli tenniet li r-restawr ta’ binjiet storiċi hu essenzjali biex uliedna u min iżur il-gżejjer Maltin jkunu jistgħu jgawdu dak li ħallewlna missirijietna. Qalet ukoll li issa li ngħalqet is-seba’ sejħa ta’ din l-iskema, fejn ħmistax-il kunsill lokali ressqu l-proposti, dawn se jgħaddu minn proċess biex finalment jintgħażlu u hekk sena wara l-oħra jitkompla dan il-proġett ambizzjuż ta’ restawr.
Zerafa Civelli qalet, “Permezz ta’ dawn l-iskemi ta’ restawr għall-Kunsilli Lokali qegħdin ngħinu l-komunitajiet tagħna u lir-residenti tagħna ikomplu jgawdu l-patrimonċinju li għandna madwarna ta’ kuljum u f’ambjent isbaħ.”
Il-Perit Audrey Anne Bonnici mid-Direttorat tar-Restawr spjegat li l-problemi prinċipali ta’ din il-kappella kienu fil-faċċata, u b’hekk l-interventi ta’ restawr saru fuq in-naħa ta’ barra. Il-faċċata prinċipali tnaddfet mill-kisi li kien qiegħed jagħmel ħafna ħsara, kif ukoll inbidel xi ġebel li kien iddeterjora, u finalment ġiet ikkonsolidata wkoll l-entratura tal-bieb prinċipali.
Il-Perit irrimarkat, “Din il-kappella kellha ħsara intensiva speċjalment fuq in-naħa tal-faċċata għaliex kienet miksija sa nofsha bis-siment, b’hekk kellu jitnaddaf kollox u minħabba l-istat tal-ġebla erġajna tajna kisja li hija ħafna iktar adekwata u li tħalli anka il-ġebla tieħu n-nifs u ma tagħmilx iktar ħsara.”