Ġie inawgurat xogħol ta’ restawr li sar fuq il-Kappella ta’ San Filippu u San Ġakbu f’San Ġwann, magħrufa aħjar bħala tal-Propostu.
Din il-kappella hi waħda mit-tlettax-il proġett mill-iskema tal-Kunsilli Lokali 2022.
Dan il-proġett kien propost mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann. Ix-xogħol beda fl-aħħar ta’ Mejju 2023 u tlesta fl-aħħar ta’ Lulju ta’ din is-sena.
Il-Kappella ta’ San Filippu u San Ġakbu nbniet fil-bidu tal-1730.
F’dokument datat għat-18 t’Ottubru 1732, il-Propostu ta’ Birkirkara Fr. Gaspare Giuseppe Vassallo ddikjara li kellha tinbena kappella fuq porzjon t’art magħrufa bħala Ta’ Wied Għomor.
Il-kappella ġiet ittrasferita lill-paroċċa ta’ San Ġwann lejn in-nofs tas-Seklu 20 meta ġiet stabilita l-paroċċa tal-Kunċizzjoni.
Is-Sindku ta’ San Gwann Trevor Fenech spjega li x-xogħol, li sar, kien jinkludi tindif tal-faċċata mill-ħmieġ li akkumula maż-żmien, tikħil ta’ fili b’taħlita bbażata fuq il-ġir u tiswija ta’ ġebel deterjorat.
Qal, “Il-Kappella tal-Propostu, li tlesta restawr tagħha, fejn b’investiment ieħor fil-lokalità tagħna qed inkomplu nsaħħu u nkabbru lokalità tagħna b’aktar investiment fejn jidħol kultura u proġetti oħrajn.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li postijiet storiċi li jinsabu fl-irħula u l-ibliet rispettivi huma sors ta’ kburija għall-komunitajiet u li restawr bħal dan ikompli jissalvagwardja dawk l-aspetti importanti tal-wirt ta’ pajjiżna.
Qal, “Din il-Kappella tal-Prepostu, hi waħda antika li tmur lura għal ħafna u ħafna sekli u issa qed tiġi protetta u salvagwardjata.”
Ix-xogħol ta’ restawr sar kollu mill-ħaddiema tad-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni.