Ġie inawgurat proġett ieħor komplut ta’ restawr, din id-darba fuq il-Kappella ta’ San Klement fiż-Żejtun.
Il-kappella, f’dak li hu magħruf aħjar bħala r-Raħal t’Isfel, kienet inbniet fl-1658 u issa ġiet kompletament irrestawrata mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.
Oriġinarjament il-kappella kienet inbniet minn Klement Tabone b’sens ta’ fidi reliġjuża wara li kien baqa’ ħaj waqt it-taqbida mat-Torok fl-istess lokal fl-1614.
Il-Perit inkarigata mix-xogħlijiet, Ivana Farrugia, spjegat kif ir-restawr imwettaq kien wieħed kritiku, imma mingħajr ma jeskludi l-introduzzjoni ta’ elementi ġodda li jistgħu jgħinu fis-salvagwardja u l-interpretazzjoni tas-sit.
Fir-restawr tal-ħitan ta’ barra ġie rrispettat ukoll il-prinċipju tal-intervent minimu.
“Jekk inħarsu lejn l-aspett konservattiv sar tibdil mill-inqas ta’ ġebel, inżammu l-aperturi oriġinali għalkemm kien iddeterjorat u sar biss il-lokalizzar u affarijiet oħrajn simili. Imbagħad kien hemm introduzzjoni ta’ elementi ġodda, pereżempju, is-salib sar replika tal-ġebel ta’ salib tal-konkos iddeterjorat ħafna li sibna aħna.”
Il-Perit Ivana Farrugia
Sadanittant is-Sindku taż-Żejtun, Doris Abela, spjegat kif dan hu proġett ieħor minn kullana ta’ restawr.
“Grazzi wkoll lill-ħaddiema tar-restawr li lestewha fi żmien tajjeb ħafna biex fi ftit tal-ġranet oħra se tkun qed tibda titgawda fil-purċissjoni ta’ San Girgor fejn proprju tibda minn din il-knisja hawnhekk.”
Is-Sindku taż-Żejtun, Doris Abela
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, fejn fakkar kif dan il-proġett sar bis-saħħa ta’ skema li kienet tnediet lura fl-2015 u permezz tagħha s’issa tlestew ’il fuq minn ħamsin proġett bl-involviment tal-kunsilli lokali.