“It-tlestija mir-restawr ta’ din il-faċċata hija eżempju ċar ieħor ta’ kemm huwa importanti li nikkonservaw wirtna. L-impenn tagħna huwa li nkomplu nassiguraw li siti storiċi u l-wirt ta’ pajjiżna jiġu restawrati u jingħataw il-glorja li ħaqqhom bl-aħjar mod possibbli permezz ta’ skemi speċjalizzati għal dan l-għan. Il-lokalitajiet tagħna huma mimlija b’monumenti u siti sinifikanti u aħna ninsabu ddedikati biex nippreservawhom”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.Il-faccata tal-Knisja l-Antika ta’ Marsaskala kienet tinsab f’kundizzjoni ta’ deterjorazzjoni avvanzata u l-ġebel tal-faċċata kellu ammont kbir ta’ tfarfir tal-ġebla, partijiet nieqsa li ġew żarmati maż-żmien, ħmieġ fil-partijiet ta’ fuq tal-faċċata, qsim fil-ġebla minħabba għadd ta’ metall li kien imsaddad u l-parti t’isfel tal-faċċata kienet deterjorata ħafna tant li kienet qed toħloq problemi strutturali.
Ix-xogħol li sar mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali kien jinkludi tindif mill-ammont kbir ta’ grampuni u metall f’partijiet varji tal-faċċata u tindif bi xkupilji tan-nylon, ilma u għodda tal-idejn minn depositi suwed u ħmieġ bioloġiku. Iż-żewġ kampnari nbnew mill-ġdid b’partijiet minnhom mibnija bis-samrotti tal-ġebel li kienu fuq is-saqaf, filwaqt li ġew mibdula xi ġebel mill-parti t’isfel tal-faċċata minħabba li kienu deterjorati ħafna.
Il-faċċata kollha ġiet ikkonsolidata bit-tikħil fejn kien hemm bżonn, filwaqt li l-bieb prinċipali tal-knisja ġie rrestawrat billi tneħħew il-partijiet imħassra fl-injam u twaħħlu elementi ġodda mal-istruttura antika. Il-biċċiet in-nieqsa mill-bieb inħadmu mill-ġdid.
Dan il-proġett ta’ restawr dam madwar 8 xhur.
Dan kollu kien possibbli permezz tal-iskema tax-xogħol ta’ restawr għall-kunsilli lokali li nħolqot fl-2015 u toħroġ fuq bażi annwali li permezz tagħha diġà bbenefikaw 10 lokalitajiet matul dawn is-snin.