Ġew inawgurati xogħlijiet ta’ restawr fuq kwadru ta’ nofs is-Seklu 18 attribwit lil Francesco Zahra, li jinsab fil-Knisja ta’ Ħal Kirkop. Il-pittura turi lil Ġesù mniżżel minn fuq is-salib u mqiegħed fi ħdan ommu Marija bl-anġli jqimu din il-ġrajja tal-fidwa.
B’finanzjament ta’ tlett elef ewro mill-Gvern, fost oħrajn, il-pittura tad-Duluri hi parti mill-wirt kulturali reliġjuż rikk li għandna f’pajjiżna, patrimonju li llum qed iservi wkoll bħala parti mit-turiżmu reliġjuż.
Fil-preżenza tal-Ministru għall-Wirt Kulturali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u l-Arcisqof Charles J. Scicluna, dan ir-restawr ġie inawgurat fl-aħħar jiem fil-Knisja fejn hu meqjum wara xogħlijiet delikata li saru mill-kumpanija Atelier del Restauro.
Il-Ministru Bonnici saħaq fuq l-impenn tal-Gvern biex joħloq proġetti innovattivi li jrawmu l-wirt storiku u rikk ta’ pajjiżna.
“Il-pittura ta’ Francesco Zahra hi waħda mill-aktar importanti li għandna fl-istorja ta’ pajjiżna u l-fatt li qed nirrestawraw, li lestejna r-restawr ta’ pittura tant importanti li tmur lura sas-Seklu 18 u li qiegħda fil-Knisja ta’ Ħal Kirkop hi aħbar sabiħa għal kull min iħobb l-istorja ta’ pajjiżna. Aħna se nkomplu għaddejjin bil-proġetti, wieħed wara l-ieħor, biex nivvalorizzaw il-wirt importanti li għandna fis-settur kulturali.”
Fr Martin Cardona, Kappillan ta’ Ħal Kirkop, wera l-apprezzament għax-xogħol li sar biex il-kwadru jista’ jitgawda fil-glorja kollha tiegħu.
“Il-membri ta’ din il-komunità ta’ Ħal Kirkop huma grati ħafna għal dak kollu li sar biex ġie rrestawrat dan il-kwadru b’mod speċjali l-bank APS, u l-Arts Council li proprju kienu huma li għenu biex illum għandna r-restawr ta’ dan il-kwadru, biex aħna nkunu nistgħu ngawdu dak li għamlu missirijietna, imma permezz tar-restawr ngawdu aktar issa fil-glorja kollha tiegħu.”
L-Arċisqof ukoll sostna li din il-pittura hi tifkira tal-istorja rikka li qed tingħata l-akbar attenzjoni.
L-APS Bank ikkontribwixxa s-somma ta’ ħamest elef ewro għal dan ix-xogħol ta’ restawr, waqt li l-Kunsill Malti għall-Arti wkoll organizza s-serata għall-inawgurazzjoni ħejja fuljett tal-okkażjoni.