Għadu kif tlesta xogħol ta’ restawr fuq l-istatwa tal-Assunzjoni tal-Madonna li tinsab fil-pjazza prinċipali ta’ Ħal Għaxaq b’ħidma mid-Direttorat tar-Restawr.
Bħalma hemm tixhed waħda mill-iskrizzjonijiet li tinsab fuq il-pedestal tagħha, din l-istatwa tmur lura għal qabel is-sena 1901.
Ix-xogħlijiet bdew għal ħabta ta’ nofs Ġunju. L-ewwel fażi ta’ xogħol fuq is-sit kienet tinvolvi t-tneħħija bil-galbu tal-legi ta’ żebgħa pjuttost reċenti li kienu preżenti u li kien sarilhom il-ħsara. Dawn ix-xogħlijiet kixfu l-kuluri antiki, u probabilment oriġinali, tal-istatwa. Instabu fil-fatt traċċi ta’ żebgħa tal-ġir ikkulurita f’diversi partijiet. Din l-iskema ta’ kuluri oriġinali u t-tipoloġija taż-żebgħa oriġinali reġgħu ġew addottati fix-xogħol tar-restawr li sar.
Il-Ministru Owen Bonnici saħaq li b’din il-ħidma, il-Gvern qed jiżgura il-preservazzjoni u l-ħajja ta’ monumenti sinifikanti li nsibu fil-lokalitajiet.
“Din l-istatwa tirrappreżenta l-wirt tagħna, u permezz ta’ dan ir-restawr qegħdin ngħadduha lura lill-komunità ta’ Ħal Għaxaq fil-glorja oriġinali kollha tagħha”, temm jgħid il-Ministru.