Tlesta x-xogħol ta’restawr fuq it-torri tal-Belvedere f’Ħal Lija.
It-torri kien inbena f’nofs is-seklu dsatax f’nofs villa privata tal-Markiż Depiro.
Illum dan it-torri f’Ħal Lija u kien jeħtieġ dawra tajba b’investiment ta’ mija u erbgħin elf ewro.
It-torri kien ukoll simbolu ta’ preġju li jkollok din it-tip ta’ arkitettura fir-raħal.
Mal-medda taż-żmien it-torri, mibni bil-ġebla tal-franka, ġarrab ħsarat minħabba żewġ fatturi primarji, dak tal-elementi naturali u ħsara mill-ammont ta’ traffiku li jgħaddi minn madwar l-istess torri.
Il-Perit Amanda DeGiovanni spjegat kif tneħħa ċertu nugrufun minn mat-torri: “Kien importanti li speċjalment fiż-żoni fejn huma pjuttost moħbija, ma tantx tilħaqhom ix-xita nneħħu dawn l-elementi ta’ krosta, element iebes minħabba il-nugrufun. Dan jitneħħa permezz ta’ skieken apposta, kollox bl-idejn biex żgur ma nkunux qed nagħmlu ħsara lill-binja u lill-ġebla.”
Fiċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tat-torri, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Gavin Gulia saħaq kif ix-xogħol ta’ restawr li kkordinat l-Awtorità kien meħtieġ fuq dak li ddeskriva bħala ikona f’Ħal Lija.
Gulia semma wkoll kif xogħlijiet ta’ restawr jattiraw turiżmu diversifikat u matul is-sena kollha, apparti minn hekk isebbaħ l-ambjent tar-residenti u n-nies li jżuru l-akwati.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo innota kif huwa ta’ prijorità tal-Gvern li jkun irrestawrat u ppreservat il-wirt storiku ta’ pajjiżna għat-tgawdija fil-futur.
Huwa stqarr: “Permezz ta’ dan l-investiment li jlaħħaq il-mija u erbgħin elf ewro, irrestawrajna t-torri tal-Belvedere ġewwa Ħal Lija. Hawnhekk qegħdin naraw kif insalvaw il-patrimonju Malti li mhux biss huwa parti mill-passat ta’ pajjiżna iżda jifforma ukoll parti mill-futur tursitiku illi rridu naraw għaż-żmien li ġej. Dan kollu ser ikompli jgħin sabiex inkomplu nsaħħu n-niċeċ kulturali u storiċi ta’ pajjiżna sabiex b’hekk it-turisti li jiġu f’pajjiżna jkollhom ħafna iżjed x’jaraw, iduru iżjed lokalitajiet u minn Malta u Għawdex nagħmlu żona turistika waħda.”
Is-Sindku ta’ Ħal Lija laqa’ l-investiment li sar fil-lokalità filwaqt li rringrazzja lill-awtoritajiet li taw is-sehem tagħhom sabiex dan iseħħ.