F’nofs is-seklu sbatax kien iħares il-bajja tal-Armier, illum se jkun t’attrazzjoni turistika.
It-Torri l-Abjad fl-Aħrax tal-Mellieħa ġie inawgurat mill-ġdid wara xogħolijiet estensivi ta’ restawrm b’investiment ta’ ftit aktar minn mija u għoxrin elf ewro.
Quddiem il-faċċata tat-torri li lanqas tingħaraf minn kif kienet qabel, is-Sindku tal-Mellieħa, Dario Vella qal li huwa unur kbir li wara snin ta’ xogħol, issa dan it-Torri jista’ jiġi aprezzat mill-familji Maltin kif ukoll turisti.
Dan b’kuntrast kbir tal-istat t’abbandun li kien tħalla fih l-istess torri, li skont is-Sindku, kien ikun dnub kontra l-wirt ta’ pajjiżna kieku tħalla fl-istess stat.
Huwa rringrazzja lill-għaqda Din l-Art Ħelwa, kif ukoll lill-Fondazzjoni Malta fi ħdan il-bank HSBC talli taw l-għajnuna tagħhom sabiex isiru x-xogħolijiet meħtieġa fuq dan is-sit.
Qal, “Dan ir-restawr ifisser djamant ieħor li ġie rrestawrat. Lura fl-elfejn u sittax il-Kunsill Lokali ħass il-bżonn li dan id-djamant ma jibqax fl-istat li kien fih u għalhekk ħriġna sejħa ta’ interess fejn ‘Din l-Art Ħelwa’ kienu applikaw biex jieħdu ħsieb dan il-post.”
It-torri kwadru huwa mibni fuq l-istess stil li kienu nbnew it-torrijiet tal-għassa tal-Granmastru De Redin u kien iħares ix-xtut Maltin minn xi attakk tal-kursara.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta, Simon Vaughan Johnson stqarr li l-fondazzjoni fi ħdan l-istess bank dejjem tieħu l-opportunità sabiex tinvesti f’wirt pajjiżna.
Johnson qal li li hu u l-HSBC jinsabu kburin li setgħu jieħdu sehem f’dan il-proġett biex b’hekk isiru parti mill-wirt ta’ pajjiżna.
Spjega, “Very proud, yes. The HSBC Foundation has actively supported heritage in Malta for a number of years and it’s delightful to see this project complete after three years of hard work.”