Tlesta l-proġett ta’ restawr fuq il-Knisja Arċipretali ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ, proġett li sar b’investiment ta’ €113,000, b’ko-finanzjament minn fondi Ewropej.
Il-proġett ġie inawgurat mill-Ministru għall-Fondi Ewropej Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.
Permezz ta’ dan il-proġett sar ir-restawr tal-kampnari, il-koppla u t-tanbur tagħha u l-lanterna, kif ukoll saret sistema ġdida ta’ dawl iktar effiċjenti fil-konsum tal-enerġija.
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej Silvio Schembri sostna li permezz tal-fondi Ewropej qed issir differenza fil-qalba tal-komunitajiet tagħna.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li permezz ta’ investiment ta’ €4 miljun minn fond iddedikat mill-Gvern, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qed twettaq proġetti ta’ restawr fuq 33 knisja f’Malta bil-għan li titwettaq konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal-wirt kulturali ekkleżjastiku.
Din il-knisja tagħmel parti mir-rotta ċentrali taċ-Church Trails, li hi maħsuba biex it-turisti u l-Maltin igawdu dan il-patrimonju kulturali.
