B’investiment ta’ ftit aktar minn €140,000 tlesta x-xogħol ta’ restawr fuq ħitan tas-sejieħ fil-lokalità tal-Iklin.
20% tal-fondi kienu ffinanzjati mill-Gvern Lokali, filwaqt li 80% tal-fondi kienu ffinanzjati minn fondi Ewropej wara li l-kunsill lokali applika għall-fondi mill-Unjoni Ewropea taħt il-fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.
Ir-restawr u r-rikostruzzjoni fuq il-ħitan tas-sejjieħ saru fi Sqaq in-Namur, Sqaq Giarda, parti minn Triq il-Għargħur u Triq Richard Taylor, fl-Iklin.
Waqt żjara li saret mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u s-Sindku tal-Iklin Dorian Sciberras ġie nnutat kif ir-restawr li sar fuq dawn il-ħitan tas-sejjieħ mhux biss żied is-sbuħija tal-ambjent f’din il-lokalità, iżda ppreserva l-wirt storiku u ambjentali ta’ pajjiżna li ser jkompli jitgawda minn ġenerazzjonijiet futuri.
Is-Sindku tal-Iklin Dorian Sciberras spjega li barra li dawn l-istrutturi tal-ġebel fl-għelieqi u r-raba’ jagħmlu parti mill-wirt storiku u ambjentali tagħna l-Maltin, dawn jaqdu wkoll funzjonijiet ambjentali oħra.
Qal, “Qegħdin invaraw il-proġett meħud uffiċjali, il-proġett ta’ restawr tal-ħitan tas-sejjieħ f’diversi toroq fosthom din it-triq li qegħdin hawnhekk. Din hija sqaq in-Namur, Triq Richard Tailor u sqaq Giarda biex inreġġgħu lura il-wirt kulturali Malti għax il-ħitan tas-sejjieħ huwa parti mill-kultura tagħna u fl-istess ħin inkomplu nipproteġu l-ekosistema tagħna l-Maltin ukoll.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli ħeġġet aktar kunsilli lokali sabiex jagħmlu użu minn fondi addizzjonali sabiex ikomplu jaqdu l-bżonnijiet tal-lokalitajiet u tar-residenti rispettivi tagħhom.