Għawdex għandu spazju ieħor aħdar u miftuħ.
Dan hekk kif b’investiment ta’ tliet miljun u tlett mitt elf ewro tlesta l-proġett ta’ rijabilitazzjoni tal-Qortin fix-Xagħra.
Il-Qortin, li serva bħala miżbla għal 36 sena u kien wieħed mill-akbar pjagi ambjentali f’Għawdex minħabba rwejjaħ u problemi oħra hekk kif kien jilqa’ l-iskart kollu tal-gżira Għawdxija, issa se jkun spazju sabiħ għall-familji.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri l-Ġimgħa filgħodu ġie inawgurat il-proġett tal-Qortin.
Min se jkun qed jiġi f’din iż-żona miftuħa, se jkun jista’ jitpaxxa bix-xeni pittoreski li taf toffri l-gżira tat-tliet għoljiet, fosthom il-Bażilika ta’ Marija Bambina fix-Xagħra, il-Mitħna ta’ Kola, is-swar taċ-Ċittadella u anke l-għolja tas-Salvatur.
Fost l-oħrajn f’dan il-proġett ġew impoġġija numru ta’ railings, xtiebi u ċnut mad-dawra sabiex il-passaġġi jkunu siguri għall-aċċess pubbliku.
Ġiet wkoll dedikata żona għall-park tal-klieb li se jkun qed joffri spazju għal-logħob u għall-eżerċizzju.
Il-Ministru Aaron Farrugia spjega kif Gvern Laburista mhux se jieqaf jaħdem sabiex jiżdiedu iktar spazji ħodor f’diversi lokalitajie..
Qal, “Żammejna kelmtna mal-Għawdxin, qed nitkellmju dwar miżbla li hawnhekk daħal ‘il fuq minn nofs miljun tunnetlata ta’ skart illi issa qed intuha lura lill-Għawdxin u lill-Maltin ukoll f’pulmun aħdar. 45 tomna ta’ post miftuħ li se jitgwda fiż-żmien li ġej, hawn madwar 23,000 siġra u arbuxella u allura investiment ta’ ta’ €3.3 miljun.”
Fix-Xagħra ġie spjegat ukoll kif bħala parti mix-xogħlijiet, inbena wkoll ġibjun taħt l-art biex ikun jista’ jinħażen l-ilma biex imbagħad jintuża għat-tisqija.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Clint Camilleri saħaq li dan il-proġett hu parti minn kullana ta’ proġetti ambjentali li ħadem fuqhom dan il-Gvern biex f’Għawdex, l-ambjent jibqa’ jissaħħaħ u jiġi preservat.
Spjega, “Proġett ta’ kif għandhom isiru l-proġetti ambjentali, iġifieri hawnhekk sar kambjament assolut minn miżbla u jiġi park għall-familji… Dan għadu biss il-bidu għaliex kif propju tħabbar ser inkunu qegħdin issa ninvestu f’multi-level parking fejn preżentament hemm il-parking fir-rabat sabiex imbagħad in-naħa ta’ fuq jiġi spazju pubbliku, aħda, pulmun fiċ-ċentru tal-Belt Victoria.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca spjega kif bħalissa l-WasteServ qed taħdem biex tkompli ttejjeb l-operat u l-infrastruttura tagħha sabiex il-pajjiż ma jibqax jiddependi fuq il-miżbliet.