Il-Kunsill Lokali tal-Gżira għadu kif lesta proġett ta’ rinnovar u riġenerazzjoni tal-librerija pubblika tal-istess lokalità.
Il-proġett, li sar permezz tal-ħaddiema tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, ra li din il-librerija issir waħda iżjed moderna u aċċessibbli. Fil-fatt, din il-librerija, li tinsab ġewwa l-iskola primarja tal-Gżira, jagħmlu użu minnha kemm it-tfal tal-iskola u anke residenti oħra anke barra mil-lokal.
Il-librerija l-ġdida ġiet inawgurata mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli u s-Sindku tal-Gżira, Neville Chetcuti. Huma rringrazzjaw lill-ħaddiema tal-RSSL, li jaqgħu taħt id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, għax-xogħol li wettqu f’dan il-proġett.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, faħħret ix-xogħol li għamlu l-ħaddiema f’din il-librerija, kif ukoll fi proġetti oħra li jiġu mitluba mill-Kunsilli Lokali stess sabiex jassistu fihom.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Gżira, Neville Chetcuti qal kif permezz tal-għajnuna mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, qed ikomplu jwettqu aktar proġetti għall-ġid tar-residenti.