B’investiment ta’ €1.2 miljun tlesta x-xogħol li sar fil-junction ta’ bejn Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi, fi Triq l-Imdina, biex b’hekk il-ħin tal-ivjaġġar f’din iż-żona se jkun qed jonqos b’medja ta’ 30 fil-mija.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Infrastructure Malta, Ivan Falzon, id-Direttur Eżekuttiv għall-Proġetti u l-Implimentazzjoni, Raphael Abdilla, u l-Perit Rebecca Grech.
Fost l-oħrajn, il-proġett inkuda 525 metru ta’ bankini ġodda, 435 metru ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, iċ-ċaqliq tas-servizzi tal-ilma eżistenti, u sistema ġdida ta’ dawl.
Il-Perit tal-proġett, Rebecca Grech, spjegat kif dan il-proġett taffa d-diffikultajiet tal-konġestjoni u naqqas ir-riskji tal-inċidenti f’din ir-rotta ewlenija ta’ pajjiżna.
“Fix-xogħlijiet li għamilna użajna l-istess spazju biex flok junction issa qed tiffunzjona sistema ta’ traffic lights li qed jippermettu li l-flows tat-traffiku li jinżlu minn Ħaż-Żebbuġ lejn Ħal Qormi jibqgħu għaddejjin mingħajr ma jkunu interrotti. Il-flows li jkunu tilgħin min-naħa ta’ Ħal Qormi direzzjoni lejn is-Siġġiewi u Ħaż Żebbuġ ikunu qed jieqfu fit-traffic lights sabiex b’hekk jippermettu wkoll li l-vetturi li jkunu ħerġin mid-direzzjoni tas-Siġġiewi, li qabel kienu jeħlu ħafna fir-roundabout, issa jibqgħu joħorġu faċilment.”
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Eżekuttiv għall-Proġetti u l-Implimentazzjoni, Raphael Abdilla qal li l-proġett intlaqa’ tajjeb ħafna mir-residenti tal-madwar. Huwa spjega kif l-aġenzija Infrastructure Malta għamlet għadd ta’ emendi fil-pjanijiet oriġinali tagħha sabiex salvat numru akbar ta’ siġar eżistenti fuq il-post.
“Ħafna mix-xogħol sar matul il-lejl biex naqqasna l-inkonvenjent lejn in-nies li jużaw dawn l-akkwati. Illum għandna proġett li ntlaqa’ tajjeb ħafna min-nies, hekk kif juri li l-benefiċċji li kienu mmirati li se jintlaħqu fil-fatt intlaħqu u n-nies huma aktar kuntenti bis-set up li hawn illum fejn, b’mod aktar ħolistiku, taf li għandek proġett li tista’ taċċessa l-akkwati b’mod sigur u b’mod effiċjenti.”
Apparti minn hekk, saru wkoll tibdiliet fil-post oriġinali tal-pedestrian crossings u fis-segregazzjoni tat-triq prinċipali minn mat-triq biswitha għal aktar sigurtà fit-triq, mingħajr ma jkun hemm impatt negattiv fuq l-operat ta’ mħażen u negozji f’din iż-żona.
Se tiġi introdotta wkoll sistema ta’ controlled pedestrian crossing li taqsam il-karreġġjati prinċipali ta’ Triq L-Imdina. B’hekk tiżdied is-sigurtà pedonali għal min jagħmel użu minn din it-triq bil-mixi.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Aaron Farrugia qal li dan il-proġett huwa eżempju ieħor ta’ kif, permezz ta’ proġetti infrastrutturali, qed inkomplu ntejbu s-sikurezza fit-toroq tagħna.