B’investiment ta’ €10 miljun tlesta l-proġett tal-Qattara bil-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ilma fit-togħma tiegħu u anke jnaqqas il-pressjoni minn fuq l-ilma tal-pjan.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-ġibjun tal-Qrendi, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjegaw li dan il-proġett ifisser aktar sostenibbiltà fl-użu tar-riżorsi naturali ta’ pajjiżna.
Il-proġett ta’ Qattara ngħata bidu fl-2019 fejn beda t-tħaffir ta’ 32 kilometru ta’ trinek biex jiġu installati il-pajpijiet li se jwasslu għas-sistema tal-boreholes lejn il-ġibjuni.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif b’dan il-proġett, elf persuna li kienu jużaw ilma li ġej direttament mill-borehole, issa ġew imqabbda ma’ servizz li jagħmel użu wkoll mill-ilma tar-Reverse Osmosis.
Qalet, “Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qiegħda tagħddi 50Km ta’ pajpijiet biex twassal ilma li huwa tajjeb għax-xorb fil-lokalitajie tal-Qrendi, Siġġiewi u anke Ħaż-Żebbuġ. Permezz ta’ dan l-investiment ukoll qegħdin naraw li filwaqt inwasslu l-ilma ta’ kwalità tajba nkunu qegħdin innaqsu kemm jista’ jkun l-impatt ambjentali, għaliex qed innaqsu l-estrazzjoni żejda mill-ilma tal-pjan fl-istess ħin li naraw li nkunu effiċjenti fl-użu tal-enerġija tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li permezz ta’ dan l-investiment li qed isir kofinanzjat minn fondi Ewropej, se noffru lin-nies tal-madwar provvista ta’ ilma ta’ kwalità aħjar.
Qal, “Dan huwa proġett li jkompli jsaħħaħ fid-distribuzzjoni tal-ilma u jtejjeb il-kwalità tal-ilma filwaqt li jkompli jnaqqas l-impatt ambjentali. Dan il-proġett jifforma parti minn kulanna ta’ proġetti li qed isiru permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea min-naħa għal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.”