B’investiment ta’ €5 miljun tlesta l-proġett ta’ tkabbir u moderniżżar tal-Iskola Sekondarja taż-Żejtun, Kulleġġ San Tumas More. Proġett li nvolva l-bini ta’ sular fuq kull blokka eżistenti, l-iżvilupp ta’ laboratorji u workshops ghal suġġetti vokazzjonali u l-immodernizzar komplet tal-iskola.
Dan tħabbar il-Ħamis waranofsinhar hekk kif ġiet inawgurata l-binja amministrattiva.
Dwar dan tkellimna mal-Kap tal-iskola Adrian Galea
“Illum qed ninawguraw il-blokka numru 5, il-blokka tal-amministrazzjoni ħalli l-amministrazzjoni tagħna tkun tista’ taħdem b’mod l-aktar effettiv u tkun tista’ taqda l-bżonnijiet tal-komunità tal-iskola tagħna.
Cory Greenland, li huwa ċ-Ċermen tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada sostna l-importanza ta’ dawn il-proġetti biex jiġu mmodernizzati l-iskejjel tal-pajjiż.
“Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada ilha għaddejja b’numru ta’ proġetti inkluż dan il-proġett u għandna ħafna ambizzjonijiet u ħafna challenges biex nimmodernizzaw l-iskejjel kollha tal-pajjiż prattikament.”
F’din l-inawgurazzjoni li għaliha attenda l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-żgħażagħ, ir-riċerka u l-innovazzjoni Clifton Grima, ġie spjegat kif permezz ta’ dan il-proġett żdiedu 13-il klassi, 8 laboratorji għat-tagħlim tax-xjenza, 2 klassijiet għall-home economics, u klassijiet għall-inġinerija u d-disinn.
Il-Ministru Clifton Grima sostna wkoll li ġew żviluppati wkoll laboratorji u workshops għal suġġetti vokazzjonali fosthom it-teknoloġija tal-informatika, l-ospitalità, il-hairdressing, il-media, u t-tessuti u l-moda.
“Rajna wkoll żieda addizzjonali ta’ numru ta’ klassijiet, ta’ numru ta’ laboratorji u kif ukoll spazji oħra li minnhom jibbenefikaw kemm l-edukaturi u kemm l-istudenti tagħna.”