Ix-xogħlijiet infrastrutturali marbutin mal-gallerija tal-Belvedere f’San Pawl il-Baħar tlestew hekk kif dan il-proġett b’investiment ta’ €520,000, ġie inawgurat.
F’konferenza tal-aħbarijiet li għaliha attendew il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, ic-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u s-sindku ta’ San Pawl il-Baħar Alfred Grima, ġie spjegat li dan ix-xogħol involva l-installazzjoni ta’ pavimentar, railing u dawl ġdid li qed jagħtu dehra moderna lil din iż-żona tant popolari mat-turisti u residenti hekk kif toffri veduti pittoreski.
Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq kemm huwa importanti li jsiru investimenti li jippreservaw u jaġġornaw żoni turistiċi maż-żminijiet tal-lum, sabiex jitgawdew mit-turisti u r-residenti tal-madwar.
Barra minn hekk semma’ l-ħidma kontinwa ta’ manutenzjoni li ħa tibqa’ għaddejja f’postijiet bħal dawn.
Qal, “L-ewwel minn sensiela ta’ proġetti illi qedgħin naħdmu fuqhom ġewwa San Pawl il-Baħar, dawn flimkien mal-indafa li se nkunu qedgħin intuha prijorità għandek għaż-żmien illi ġej se jwassal biex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar kemm għar-residenti, iżda ukoll għat-turisti li jżuru din il-lokalità pittoreska”
Il-Chairman tal-Awtorità Matlija għat-Turiżmu, Gavin Gulia, stqarr li l-awtorità se tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha biex twassal prodott turistiku ta’ livell għoli.
Stqarr, “L-awtorità Maltija għat-Turiżmu qed tinvesti ftit iktar minn nofs miljun ewro f’dan il-proġett, proġett ta’ tisbiħ ta’ dan il-Promenade”
Finalment is-sinku ta’ San Pawl il-Baħar faħħar din il-proġett u saħaq kemm kien meħtieġ dan ir-rinovar. Huwa rringrazzja lill-Ministeru tat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu li għenu fir-riżorsi meħtieġa biex jitlesta.
Qal, “B’ħidma bejn il-kunsill u l-MTA, ikkordinajna x-xogħolijiet u illum għandna riżultat aħħari tiegħu.”