Fir-raħal pittoresk taż-Żurrieq, issa li beda x-xahar ta’ Lulju, nibdew naraw dan ir-raħal jarma l-libsa tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu, b’karatteristika tradizzjonali mill-isbaħ b’ammont kbir ta’ arbli u faċċati mixgħulin blu.
Din is-sena, ma’ dawn, se jkunu qed jiżdiedu 11-il pavaljun tad-dawl li se jkunu qed isebbħu Vjal il-Blue Grotto, it-triq ewlenija li kull min se jgħaddi minnha se jkun jista’ jitpaxxa b’dawn l-opri artistiċi.
Dan il-proġett ambizzjuż, li daħlu għalih il-Karmelitani Żrieraq, hu frott il-ħidma li tkun qed issir mill-partitarji voluntieri u l-membri tal-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria.
Tkellimna mal-President tal-għaqda li qalilna li, għall-festa ta’ din is-sena, kienet għaddejja ħidma kbira li tinvolvi ħafna persuni.
Qal, “Ħa tkun bejn l-14 ta’ Lulju u l-21 ta’ Lulju din is-sena. Il-membri tagħna, il-partitarji u dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-festi tradizzjonali Maltin jaraw il-festa tagħna bħala festa kbira u jippretendu li tkun festa kbira, imma dan ma jsirx mix-xejn. Dan aħna hemm ammont sostanzjali ta’ voluntieri li jaħdmu tul is-sena kollha għal din il-festa.”
Dwar il-proġett il-ġdid, tkellimna ma’ Emanuel Cassar, membru tas-Sezzjoni Żgħażagħ Karmelitani, fejn spjegalna li Vjal il-Blue Grotto, li ilha tintrama mill-1996, se jinbidel is-sett ta’ liedni għal dawn il-pavaljuni tad-dawl.
Stqarrm “Sentejn ilu ddeċidejna li nimmodernizzaw ftit din it-triq u nagħtuha xejra differenti. Iddeċidejna li nagħmlu dawn il-pavaljuni tad-dawl. Ġie avviċinat id-disinjatur Carmel Cassar, għamlilna d-disinn, dan li hawn u għamilna, u minn hemmhekk bdejna l-proċess biex nagħmlu l-ewwel wieħed. Iżżanżan l-ewwel pavaljun is-sena l-oħra fil-pjazza, mis-sena l-oħra ’l hawn bdejna b’ħidma biex nagħmlu l-għaxra l-oħra.”
Cassar semma kif din il-ħidma kienet tikkonsisti fix-xiri u t-tgħawwiġ tal-ħadid, ingħaqad u ġie wweldjat flimkien u, imbagħad, bdiet il-ħidma fuq id-disinn. Waqt dan kollu, kienet qed issir ħidma kbira wkoll fuq il-bozoz, fejn kif ingħaqad kollox, ingħaddew il-wajers kollha.
Fatt sabiħ hu li dawn il-pavaljuni juru 11-il arma bil-litanija tal-Madonna, waħda għal kull pavaljun, fejn fl-aħħar qed jidher ir-riżultat finali li mistenni jkompli jżid l-atmosfera għall-Festa tal-Karmnu din is-sena.