F’Ħal Safi, il-Kappella ta’ Santa Marija rritornat lura għall-istat glorjuż tagħha wara li ġiet restawrata b’investiment ta’ mitt elf ewro.
Fuq din il-kappella sar xogħol estensiv li kien jinkludi tindif tal-faċċata, saqaf u l-koppla u tibdil ta’ ġebel deterjorat.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Perit Audrey Anne Bonnici li ħadmet fuq dan il-proġett tat rendikont tal-manutenzjoni li saret fuq din il-kappella.
Il-Perit Bonnici stqarret, “Irranġajna wkoll id-deffun oriġinali, imbagħad komplejna bit-tindif tal-faċċati u l-ftuħ ta’ fili. Inbidel ukoll iz-zokklatura li kien hemm ta’ qabel u sar materjal li jagħti nifs lill-ġebla u saru wkoll anki interventi fuq restawr li kien sar ‘il fuq minn għoxrin sena ilu.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici rrimarka li permezz ta’ dan il-proġett ta’ restawr, il-kappella saret aktar aċċessibbli għal kull min irid iżurha.
Dan filwaqt li s-Sindku ta’ Ħal Safi Johan Mula għamel emfasi dwar l-importanza tal-patrimonju kulturali f’pajjiżna.
Mula qal, “Ninsabu propju quddiem il-kappella ta’ Santa Marija li tmur lura għas-seklu tmintax fejn inawgurajna r-restawr mid-Direttorat tar-Restawr. Nippreservaw il-patrimonju storiċi tar-raħal tagħna.”
Din il-kappella ta’ Santa Marija kienet waħda minn diversi proġetti li bbenefikaw mill-iskema ta’ restawr mal-Kunsilli Lokali.
Mill-bidu tal-2015 s’issa, tlestew tletin proġett u għaxra oħra għaddej xogħol fuqhom.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli ħeġġet aktar kunsilli lokali sabiex japplikaw għal din l-iskema sabiex ikompli jissaħħaħ il-valur tal-lokalitajiet f’pajjiżna.