Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera ħabbar li tlesta l-proġett LIFE Saving Buskett li kien kofinanzjat mill-Programm tal-Unjoni Ewropea LIFE+ u li ġie implimentat mid-Direttorat tal-PARKS. Il-proġett ta’ tliet miljuni kien jinvolvi, fost diversi xogħlijiet, ir-restawr tal-arkati, it-tiswija ta’ ħajt tas-sejjieħ, it-tneħħija ta’ speċi invażivi, u t-tħawwil ta’ aktar minn 3,000 siġra indiġena fil-Buskett.
Il-Ministru Herrera sostna li l-ħarsien tal-bijodiversità tagħna huwa vitali għaliex apparti li permezz tagħha jinżamm b’saħħtu l-ambjent naturali, hija tikkontribwixxi wkoll għal tkabbir sostenibbli, u għaldaqstant huwa importanti li nikkonservaw l-ispeċi u l-habitats tagħna.
Il-ministru spjega li Malta għandha total ta’ 34 siti terrestri li ġew magħżula bħala siti ta’ Natura 2000, u l-Buskett huwa wieħed minn dawn is-siti. Huwa qal li dawn is-siti huma koperti minn Management Planjew Ordni ta’ Konservazzjoni li jkopru diversi xogħlijiet fosthom ir-restawr tal-habitats, l-afforestazzjoni, it-tneħħija ta’ speċi aljeni invażivi, l-introduzzjoni mill-ġdid u t-tisħiħ tal-ispeċi, u t-twaqqif ta’ mixtliet għal speċi ta’ pjanti li huma mhedda u endemiċi.
Il-Ministru Herrera tenna li qed isiru preparamenti għat-twaqqif ta’ Ambjent Malta bl-għan li jiġu kkoordinati sforzi relatati mal-protezzjoni tal-wirt ambjentali, filwaqt li tkun responsabbli għall-ħarsien tas-siti ta’ Natura 2000, kampanja u widien.