Tlesta l-proċess ta’ konsultazzjoni u riċerka li kien tnieda mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji permezz tal-Konvenzjoni VO Plus.
L-għan ta’ dan il-proċess kien li jirriforma s-settur u jiżgura li jilħaq il-ħtiġijiet preżenti u futuri tal-volontarjat f’Malta li għandu jwassal għal qafas ta’ tibdiliet fis-settur tal-volontarjat.
Il-Konvenzjoni VO Plus kienet ispirata mill-prinċipju li s-settur tal-volontarjat għandu jkompli jkun rikonoxxut bħala pilastru importanti fis-soċjetà u jelimina n-narrattiva tad-dilettantiżmu.
Sejba ewlenija fir-riċerka li saret kienet li hemm bżonn li l-organizzazzjonijiet volontarji jiġu differenzjati aktar – skont id-daqs, turnover, u l-iskop tagħhom.
Permezz ta’ dan l-eżerċizzju qed jiġu proposti bidliet anke fil-mod kif l-organizzazzjonijiet jissottomettu r-rekwiżiti ta’ rappurtaġġ tagħhom u jiffaċilitaw ukoll ir-rekwiżiti inter-regolatorji fejn meħtieġ. Ġew identifikati wkoll għadd ta’ bidliet bil-għan li l-isforzi ma’ regolaturi oħra jiġu ssimplifikati.
Sadanittant, fid-dawl tal-fatt li 51% tal-għaqdiet jaħdmu mat-tfal, tħabbar li ser titwaqqaf taskforce bil-għan li jiġu stabbiliti linji gwida fuq livell ġenerali biex jkun hemm salvagwardji f’posthom għal dawk l-għaqdiet li jaħdmu mal-minorenni.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet lill-qasam tal-volontarjat huwa pilastru fis-soċjetà tagħna. B’hekk sostniet li dan mhux biss għandu jiġi rikkonoxxut imma għandu wkoll jiġi imsaħħaħ.
“Ħadna stampa ċara tas-settur tal-volontarjat f’pajjiżna, allura grazzi ta din l-istampa li hija reali u aġġornata, il-politiku jista jieħu d-deċiżjonijiet u l-emendi legali li huma neċċessarji biex nkomplu ngħinu lil dan is-settur.”
Julia Farrugia Portelli – Ministru