Tħabbar it-tlestija tal-ewwel proġett mill-inizjattiva ‘Vjal Kulħadd’, dak ta’ Triq Żabbar, li twassal miż-Żejtun għal Ħaż-Żabbar.
L-għan tal-inizjattiva b’investiment ta’ €10 miljun hu li jiġu identifikati toroq u żoni madwar il-pajjiż biex, b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali, jiġi offrut ambjent aħjar fil-komunitajiet.
Fix-xhur li għaddew, sar xogħol estensiv fi Triq Żabbar biex issa bdiet toffri ambjent isbaħ u vvjaġġar aktar sigur.
F’dan il-proġett, inħolqot żona ta’ ’l fuq minn kilometru li tista’ tiġi użata kemm bil-mixi kif ukoll bl-użu tar-roti, imdawra b’siġar u pjanti indiġeni, fejn anke ġibjun ġdid se jindirizza l-problema tal-għargħar li kien hemm fiż-żona. Fl-istess ħin l-ilma se jintuża mill-bdiewa tal-madwar biex isaqqu r-raba’ tagħhom.
Fiż-żona ġiet installata wkoll sistema ġdida ta’ dwal.
Infrastructure Malta ngħaqdet ma’ diversi għaqdiet lokali biex inawgurat il-proġett f’attività il-Ħadd fejn it-triq ingħalqet biex, flok il-vetturi, setgħet titgawda mill-familji.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, wera s-sodisfazzjon tiegħu għat-trasformazzjoni li għaddiet minnha din it-triq fejn minn spazju ddedikat għal vetturi biss, issa tista’ titgawda minn kulħadd.
“Nixtiequ naraw aktar minn dawn l-affarijiet isiru fl-irħula l-oħrajn. ‘Vjal Kulħadd’ l-iskop tiegħu dak hu. Ħa nkunu qegħdin naħdmu, ħa jkun hemm irħula oħrajn, li se jkunu jgawdu minn din l-iskema u se nkunu qegħdin nagħmlu dawn l-attivitajiet għall-familji, għax iva, għandna bżonn li nqattgħu l-ħin flimkien barra mid-dar tagħna, fit-toroq tagħna f’dan il-post sabiħ li nsejħulu pajjiżna.”
Il-Ministru Chris Bonett
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul, spjega kif dan il-proġett ħoloq spazju miftuħ ġdid kif ukoll indirizza problemi li kien hemm bħall-għargħar.
Hu spjega kif xogħol maġġuri bħar-rikostruzzjoni tal-wiċċ tat-triq seħħ matul il-lejl biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għal min jivvjaġġa minn din it-triq.
“Hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq kilometru sħiħ mhux biss ta’ toroq ġodda, imma anke ta’ bankini apposta biex in-nies ikunu jistgħu jimxu fihom jew inkella jsuqu r-rota. Proġett li qed jgħaqqad żewġ villaġġi, iż-Żejtun u Ħaż-Żabbar. Investejna anke fl-ambjent, jiġifieri hawnhekk għandna tħawwil ta’ siġar ġodda u kważi 3,000 arbuxell ġdid ukoll. Dawn huma l-ideat li għandna u li rridu nwettqu ’l quddiem.”
Steve Ellul, Kap Eżekuttiv, IM
L-ewwel fażi ta’ ‘Vjal Kulħadd’ se twassal għal trasformazzjoni ta’ 14-il żona differenti f’diversi rħula madwar Malta sal-aħħar tal-2026, f’iżjed proġetti favur in-nies u l-komunitajiet, kif ukoll favur futur sostenibbli f’pajjiżna.