Fil-jiem li għaddew tlesta l-bini mill-ġdid tar-roundabout biswit ir-residenza San Vincenz de Paule, li tgħaqqad Ħal Qormi ma’ Ħal Farruġ, Ħal Luqa u għadd ta’ lokalitajiet oħra fin-nofsinhar ta’ Malta.
Aktar kmieni din is-sena, id-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta iddisinja mill-ġdid din il-ħolqa ewlenija fir-rotta bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa sabiex issir aktar effiċjenti u sigura għal dawk kollha li jużawha, b’aktar ħeffa fl-ivvjaġġar u b’inqas riskji ta’ inċidenti. Ix-xogħlijiet meħtieġa tlestew fil-jiem li għaddew, meta ngħataw l-aħħar saffi ta’ asfalt madwar ir-roundabout u l-korsiji ġodda li nbnew magħha.
Din ir-roundabout tgħaqqad Triq Ħal Qormi, Triq Ħal Farruġ, Triq l-Ingiered, li tagħti għall-inħawi tal-Marsa u Triq Ħal Luqa. Permezz tal-investiment f’din l-infrastruttura, ir-roundabout tfasslet b’disinn ġdid sabiex tkun aktar adattata għall-volum kbir ta’ vetturi li jgħaddu minnha ta’ kuljum. Fl-istess waqt, żdiedu l-approach lanes li jwasslu għall-istess roundabout, kemm min-naħa ta’ Ħal Qormi kif ukoll min-naħa ta’ Ħal Luqa u minn Triq l-Ingiered.
Inbnew ukoll żewġ bypass lanes ġodda li permezz tagħhom tkun tista’ tivvjaġġa mid-direzzjoni ta’ Ħal Qormi lejn Triq l-Ingiered u mid-direzzjoni ta’ Ħal Luqa lejn Triq Ħal Farruġ, mingħajr ma ddur mar-roundabout.
Permezz ta’ dan it-tibdil, sar titjib ukoll tar-rotta alternattiva mit-triq ta’ maġenb il-korsa tal-golf u Triq l-Ingiered, b’inqas dewmien biex tivvjaġġa minn Ħal Qormi, il-Marsa u l-Imrieħel lejn Ħal Farruġ, Ħal Luqa, il-Gudja, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u għadd ta’ lokalitajiet oħra f’din id-direzzjoni. Dan hekk kif ir-roundabout ġiet iddisinjata apposta sabiex tnaqqas l-istennija biex taqsam minn Triq l-Ingiered għal Triq Ħal Qormi, fid-direzzjoni lejn Ħal Luqa. Dan it-titjib ikompli jnaqqas ukoll id-diffikultajiet madwar iż-żewġ roundabouts ewlenin f’Ħal Qormi, fiż-żewġt itruf ta’ Triq Manwel Dimech, li ġew mibnija mill-ġdid fit-tieni nofs tas-sena li għaddiet.
It-titjib ta’ din ir-roundabout jifforma parti minn ħidma fit-tul li bdiet f’Ġunju 2017, sabiex jinbnew mill-ġdid u titjieb il-kwalità tat-toroq u l-ħoloq ewlenin matul ir-rotta li tgħaqqad l-inħawi ta’ Ħal Kirkop, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-lokalitajiet tal-madwar, lejn il-Gudja, Ħal Luqa u Ħal Qormi fid-direzzjoni lejn il-Marsa u l-Belt Valletta. Bħala parti minn dan l-investiment, fix-xhur li għaddew diġà tlestew xogħlijiet ta’ titjib fit-toroq u r-roundabouts f’Ħal Qormi, Ħal Luqa u l-Gudja.
Fiż-żmien li ġej, ser tibda fażi oħra ta’ dan il-proġett, li tinkludi t-twessigħ ta’ Triq Ħal Qormi, bejn ir-roundabout li għadha kif tlestiet f’dawn l-aħħar jiem u Ħal Luqa. Din it-triq, b’tul ta’ aktar minn kilometru u nofs, ser tinbena mill-ġdid sabiex jitneħħew għadd ta’ ostakli li jtawlu l-ħin fl-ivjaġġar. Fost oħrajn, partijiet minn din it-triq ser jitwessgħu minn korsija kull direzzjoni għal żewġ korsiji kull naħa.
F’kumment dwar dawn ix-xogħlijiet il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Dr Ian Borg, spjega li l-impenn tal-Gvern sabiex fis-snin li ġejjin niksbu infrastruttura tat-toroq ta’ kwalità għolja, b’inqas dewmien fl-ivvjaġġar u inqas riskji ta’ aċċidenti, ikompli għaddej bla heda.
“Minbarra l-investimenti li diġà ħabbarna u nedejna fix-xhur li għaddew, fosthom diversi proġetti kbar bħat-twessigħ tal-Marsa-Ħamrun Bypass, il-bini ta’ seba’ flyovers minflok it-traffic lights ta’ Triq Aldo Moro fil-Marsa u l-mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, dalwaqt ser inkomplu nagħtu dettalji dwar għadd ta’ proġetti oħra. Dalwaqt ser inniedu wkoll l-aġenzija Infrastructure Malta, li mhux biss ser tmexxi l-investiment ta’ titjib fit-toroq arterjali, iżda ser tibda wkoll investiment bla preċedent sabiex intejbu wkoll il-kwalità tat-toroq residenzjali li ngħixu fihom.”
“Din il-ħidma li bdejna fix-xhur li għaddew ser tkompli tirranka sabiex kemm jista’ jkun malajr, niżviluppaw infrastruttura ta’ kwalità, li ssaħħaħ, minflok ixxekkel, il-progress tal-familji u n-negozji f’pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Borg.
Ritratti: MTIP