B’investiment li jammonta għal €1.9 miljun, tlesta l-bini mill-ġdid tal-breakwater u l-mollijiet fin-naħa ta’ ġewwa tal-bajja ta’ Marsaskala.
It-tlestija ta’ dan il-proġett, li sar minn Infrastructure Malta, tħabbret mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia, mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, Alicia Bugeja Said, waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol.
Dan il-proġett, ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, ra r-rikostruzzjoni ta’ 140 metru ta’ mollijiet tul Triq San Ġorġ, qrib il-Knisja ta’ Marsaskala.
Dan hekk kif wara għexieren ta’ snin ta’ erożjoni tal-baħar, inqasmu l-uċuħ tal-konkos tal-pedamenti tal-mollijiet u fl-aħħar snin, partijiet minnhom saħansitra waqgħu fil-baħar.
Issa, dawn inbnew b’mod aktar sigur u modern, bl-użu ta’ ħajt għall-mewġ biex jipproteġi lil min ikun qed jimxi u l-binjiet tal-faċċata.
Dan il-proġett tlesta bl-installazzjoni ta’ slielem siguri u għajnuniet oħra għan-navigazzjoni tal-baħħara.
Il-Ministru Aaron Farrugia tkellem dwar l-importanza li tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura marittima ta’ Malta.
Qal, “Huwa post iffrekwentat mis-sajjieda, u għalhekk ħa nagħtuhom ħajja ġdida issa, b’dan ix-xogħol li għamilna. Nitkellmu dwar bċejjeċ tal-baħar għal-leisure, li issa wkoll għandhom is-serħan il-moħħ, għax għandhom ilqugħ aħjar u t-turisti li jżuru din iż-żona partikolari, u fuq kollox ir-residenti li jgħixu hawnhekk u għal ħafna żminijiet li kienu abbandunati.”
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett enfasizza dwar l-importanza ta’ dan il-proġett li sar bl-għajnuna ta’ fond li ppermetta lil pajjiżna jinvesti madwar €23 miljun fl-industrija tas-sajd u komunitajiet ta’ madwar il-kosta.
Qal, “Dan huwa parti minn proġett ikbar, illi apparti Marsaskala qed naraw li Marsaxlokk, Għawdex u anke l-mgħarfa jkollna breakwaters u mollijiet ġodda għas-sajjieda tagħna, biex jiffrankaw il-flus anke fuq problemi li jista’ jkollhom ħabba l-elementi.”
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, spjegat kif b’dan il-proġett infrastrutturali se jgawdu s-sajjieda Skaliżi.
Qalet, “Hawnhekk għandna aktar minn 200 sajjied reġistrati, professjonali u delettanti, li permezz ta’ dan il-proġett, se nkunu qed noffrulhom serħan il-moħħ, lid-dgħajjes tagħhom issa se jkunu aktar siguri mill-maltemp.”
It-tim tal-infrastruttura marittima ta’ Infrastructure Malta qed jibni mill-ġdid breakwater ieħor f’Buġibba, li se jiżviluppa l-breakwater l-antik f’terminal ġdid tal-passiġġieri u jestendi dan il-mod alternattiv ta’ vjaġġar.
Intant, għaddej ukoll l-ittestjar ta’ tagħmir elettroniku fix-xatt ta’ Boiler Wharf fl-Isla bħala parti mill-proġett tas-shore-to-ship, li se jnaqqas b’aktar minn 90% t-tniġġis tal-arja li jipproduċu l-cruise liners u vapuri oħra li jżuru pajjiżna.