Il-lukanda Kempinski Hotel San Lawrenz f’Għawdex tlestielha xogħol ta’ rinnovazzjoni u titjib b’invesiment ta’ €10 miljun fuq medda ta’ sentejn.
Il-Prim Ministru Robert Abela żar dan l-investiment hekk kif ġie deskritt bħala wieħed li jissimbolizza l-fiduċja li s-sidien tal-lukandi f’pajjiżna għandhom fl-ekonomija Maltija.
Fiduċja li qed issarraf f’aktar investiment kontinwu sabiex tiġi offruta esperjenza ta’ kwalità għolja lit-turisti li jżuru pajjiżna.
Flimkien mat-tmexxija tal-lukanda, Dr Abela ra mill-qrib ix-xogħol li sar fuq il-kmamar u spazji pubbliċi oħrajn fuq il-proprjetà, bħall-entratura u l-ġonna tal-lukanda.
Fil-fatt ġie spjegat li dan il-proġett sar b’rispett sħiħ lejn il-kwalità u s-sostenibbiltà u li wassal għall-ħolqien ta’ 120 impjieg.
Il-Prim Ministru ddeskriva dan l-investiment bħala eżempju ċar ta’ kif is-settur privat qed ikompli jinvesti fil-prodott turistiku Malti, fiduċjuż fl-istabbiltà ekonomika tal-pajjiż u l-potenzjal li joffri Għawdex bħala destinazzjoni turistika ta’ kwalità.
“Dan l-investiment kontinwu mhux biss isaħħaħ il-prodott turistiku Għawdxi iżda wkoll juri kif il-Gvern qed ikompli joħloq klima favorevoli biex l-industrija turistika tkompli tikber u tinvesti f’Malta u Għawdex”, temm jgħid Dr Abela.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru Clint Camilleri.
